Left arrow Go Back

Jum il-Commonwealth: Nirrispettaw id-Differenzi – Nippromwovu l-Ftehim

PR0363
Date Icon 12/03/2007

Fl-Abbazija ta’ Westminster f’Londra, illum saret iċ-ċerimonja magħrufa bħala “Observance” li fiha tfakkar Jum il-Commonwealth. Iċ-ċerimonja kienet preseduta mill-Maesta’ Tagħha r-Reġina Elizabetta II, bħala Kap tal-Commonwealth u l-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Michael Frendo li rrappreżenta lil Malta, li bħalissa hija c-Chair-in-Office ta’ din l-organizzazzjoni.

Jum il-Commonwealth ikun ċelebrat kull sena fit-tieni Tnejn ta’ Marzu u din is-sena t-tema magħżula hija: “Nirrispettaw id-Differenzi – Nippromwovu l-Ftehim”.

F’din l-okkażjoni, kull sena ssir ċelebrazzjoni multi-reliġjuża u multi-etnika f’Westminister li għaliha jipparteċipaw, barra mill-M.T. r-Reġina, il-pajjiż li jkollu l-presidenza ta’ l-organizzazzjoni, din id-darba Malta permezz tal-Ministru Michael Frendo, il-Prim Ministru Ingliż Tony Blair, u l-Kummissarji Għolja tal-pajjiżi membri tal-Commonwealth.

Il-Commonwealth tirrappreżenta kważi terz tal-popolazzjoni tad-dinja bi kważi żewġ biljun ċittadin li ġejjin minn 53 pajjiż mifruxa f’diversi kontinenti, razez, kulturi, tradizzjonijiet u reliġjonijiet.

F’messaġġ fl-okkażjoni ta’ Jum il-Commonwealth, ir-Reġina Elizabetta II appellat liċ-ċittadini tal-Commonwealth biex ikomplu jaqsmu flimkien il-wirt immens li għandhom. Il-pajjiżi u ċ-ċittadini tal-Commonwealth għandhom ikunu kburin u jivvaloriżżaw il-passat, jagħmlu l-aħjar li jistgħu fil-preżent u flimkien jibnu l-futur.  Dan jista’ jsir billi jirrispettaw id-differenzi ta’ bejniethom u jippromwovu l-ftehim biex il-futur ikun aħjar għalina lkoll.

Fiċ-ċerimonja ta’ Westminster, ħadu sehem numru ta’ korijiet u mużiċisti li bejniethom jirriflettu l-kultura għanja tal-Commonwealth modern f’taħlita ta’ ħsejjes u kuluri.

Sadanittant, il-Prim Ministru Malti, l-Onor. Lawrence Gonzi, bħala Chair-in Office tal-Commonwealth, bagħat messaġġ ta’ l-okkażjoni lill-pajjiżi kollha membri ta’ din l-organizazzjoni.
Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow