SE JIBDEW IX-XOGĦLIJIET FUQ TRIQ IR-RAMLA FIN-NADUR GĦAWDEX
Fil-jiem li ġejjin hu mistenni li jibda x-xogħol fuq l-ewwel parti tat-triq arterjali li minn Nadur tieħu għall-bajja pittoreska tar-Ramla l-Ħamra. Din il-bajja, li tiġi frekwentata minn Għawdxin, Maltin u turisti speċjalment waqt l-istaġun tas-sajf, hija ta’ importanza kbira fil-proġettazjoni ta’ Għawdex bħala prodott turistiku.
Ix-xogħol li se jkun għaddej f’din li hi l-ewwel fażi tal-proġett se jinkludi asfaltar ta’ 1.6km fil-parti mhux residenzjali ta’ Triq ir-Ramla. It-tieni fażi mbagħad tikkonsisti f’xogħlijiet fil-parti residenzjali.
Fejn tippermetti l-wisa’ tat-triq li fuqha ser jibda x-xogħol fil-ġranet li ġejjin ser isiru passaġġi għall-mixi u x-xogħol ser jinkludi wkoll tisbiħ u rranġar ta’ passaġġi u ħitan li jmissu ma’ din it-triq biex ikomplu jikkumplimentaw il-pajsaġġ pittoresk li wieħed jista’ jgawdi minn hawnhekk. Dan il-proġett qiegħed ikun iffinanzjat minn fondi tal-Ministeru għal Għawdex, li f’dawn l-aħħar ġimgħat kompla għaddej bil-programm ta’ titjib ta’ toroq f’żoni residenzjali u arterjali f’Għawdex. Sa fejn hu possibbli l-aċċess għal din il-bajja ser jibqa’ matul il-fażijiet differenti tax-xogħol filwaqt li ser tingħata attenzjoni partikolari biex dawn ix-xogħlijiet ta’ l-ewwel fażi jkunu lesti sal-bidu tas-sajf meta l-użu ta’ din it-triq isir aktar frekwenti minħabba l-popolarita’ ta’ din il-bajja unika.
Il-Ministru għal Għawdex, l-Onor. Giovanna Debono, qalet li din is-sena kienet waħda impenjattiva ħafna għal Għawdex bil-Gvern iniedi diversi proġetti għall-ġid tal-gżira. Fost dawn il-proġetti hemm dawk tal-bini mill-ġdid ta’ għadd ta’ toroq residenzjali f’lokalitajiet madwar Għawdex inkluż dawk f’Għajnsielem, fir-Rabat, fix-Xagħra u f’Kerċem kif ukoll bini ta’ toroq arterjali fosthom f’dawk li jgħaqqdu lir-Rabat ma’ San Lawrenz u l-Imġarr max-Xewkija.
Il-Ministru Debono fakkret ukoll li minbarra għadd ta’ proġetti ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq li ġew imnedija mill-Ministeru għal Għawdex bħalissa l-istess Ministeru qiegħed jaħdem fuq diversi proġetti oħra li minnhom se jibbenefikaw l-oqsma ta’ l-edukazzjoni, tas-saħħa, ta’ l-ekonomija, tat-turiżmu u ta’ l-ambjent. Dawn jinkludu l-proġetti ta’ l-espansjoni taċ-Ċentru Għawdxi ta’ l-Arti u l-Artiġjanat Wistin Camilleri u l-bini ta’ Incubation Centre f’Għajnsielem; il-bini mill-ġdid ta’ l-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi fil-Qala u l-bini ta’ l-Impjant tat-Tisfija tad-Drenaġġ fost l-oħrajn. Xogħlijiet oħra jinkludu dawk ta’ modernizzar f’diversi skejjel madwar Għawdex kif wkoll fid-diversi taqsimiet fi ħdan l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959