Left arrow Mur Lura

“IN-NEGOZJI ŻGĦAR U PERSUNI SELF-EMPLOYED QEGĦDIN JOĦOLQU OPPORTUNITAJIET TA’ IMPIEGI” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO

PR0355
Date Icon 09/03/2007

“Is-self employed u sidien ta’ negozji żgħar qegħdin joħolqu opportunitiet ta’ impjiegi ġodda u huma sors ukoll tal-ħolqien tal-ġid u ta’ innovazzjoni.  Huma enerġija li qiegħda tgħin biex f’pajjiżna l-konsumatur qiegħed ikun offrut varjeta’ akbar ta’ servizzi u prodotti.  Dan kollu qiegħed ikun ikkonfermat mill-istatistika li qed tiġi ppubblikata llum, rigward min huma s-self employed u s-sidien ta’ negozji żgħar f’pajjiżna, flimkien ma’ l-analiżi tal-ħolqien ta’ l-impjiegi f’pajjiżna, u x’inhu l-kontribut tagħhom għall-ħolqien tal-ġid ta’ pajjiżna.  Din il-pubblikazzjoni ta’ din l-istatistika, miġbura minn Prof. Briguglio, flimkien ma’ l-istatistika li ġiet ippubblikata mill-iSmallEnterprise Directorate u statistika oħra ppubblikata mill-GRTU, li kważi ġew ippublikati fi żmien ġimgħa, ser ikunu qegħdin joffru riċerka bażika li kollettivament tagħtina indikazzjoni ċara li f’pajjiżna, minkejja l-isfidi kollha, is-settur tan-negozji ż-żgħar qiegħed ikun kapaċi jisfida l-kompetizzjoni u f’ħafna każijiet jirbaħ fil-kompetizzjoni.”  Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jikkummenta dwar statistika li saret fuq is-settur tan-negozji żgħar f’pajjiżna.  L-istħarriġ li sar biex inħarrġet din l-istatistika sar minn Prof. Lino Briguglio fuq talba tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed.

L-istatistika ġiet maqsuma fi tliet sezzjonijiet:  Analisi ta’ l-impjiegi u l-valur miżjud ta’ l-intrapriżi fl-ekonomija Maltija;  Użu ta’ informatika fost intrapriżi żgħar u mikro;  Profil ta’ persuni self-employed.

Ħarsa lejn l-istatistika maħruġa mill-Ufficju Nazzjonali ta’ l-iStatistika turi kif f’Malta 96% ta’ negozji huma mikro intrapriżi li ihaddmu inqas minn 9 persuni. Dawn jammontaw ghal madwar 29,670 negozju.

Dawn in-negozji jħaddmu numru sostanzjali ta’ nies – madwar 43.5% ta’ l-impjegati kollha fis-settur privat jaħdmu f’mikro intrapriżi.  Ta’ min isemmi li l-ħaddiema ta’ fabbriki kbar li għalqu fis-snin li għaddew ġew kollha assorbiti minn negozji żgħar.

Minkejja dan, wieħed jinnota li l-valur miżjud iġġenerat minn mikro-intrapriżi jammonta għal madwar Lm6,500 (€15,140.93) għal kull impjegat, filwaqt li dak f’kumpaniji kbar jammonta għal madwar Lm44,000 (€102,492.43) għal kull impjegat.  Dan jirrifletti l-fatt li negozji kbar diġa’ għaddew minn proċess ta’ ristrutturazzjoni.

Konformi ma’ dan l-investiment minn negozji żgħar għadu relattivament baxx.  Minkejja li n-numru ta’ negozji żgħar li jħaddmu inqas minn disa’ persuni huwa wieħed kbir, in-negozji żgħar qegħdin jinvestu biss 8.7% ta’ l-investiment kollu fil-pajjiż.  Dan ifisser li għad hemm lok akbar għal investiment minn negozji żgħar sabiex isiru aktar kompetittivi.  In-nuqqas ta’ investiment jista’ jirrifletti wkoll nuqqas ta’ saħħa finanzjarja sabiex dawn ikunu jistgħu jagħmlu hekk.

F’Malta nsibu numru sostanzjali ta’ negozji li jbiegħu bl-imnut fejn insibu 12,263 negozji żgħar u mikro minn total ta’ 30,711 jew kwazi 40% tan-negozji żgħar u mikro kollha f’Malta.  Dawn in-negozji huma imferrxa fl-ibliet u l-irħula Maltin li llum il-ġurnata saru ċentri kummerċjali fihom infushom.  Insibu ukoll ħafna negozji fil-qasam tal-kostruzzjoni u l-manifattura.  In-numru ta’ negozji żgħar u mikro fil-qasam tat-turiżmu huwa żgħir, konformi mal-fatt li l-industrija tat-turiżmu tħaddem ħafna nies.

Dawn ir-riżultati jitqabblu b’mod ugwali ma’ statistika fl-Unjoni Ewropea.

Din l-istatistika turi l-importanza ta’ negozji żghar u mikro-intrapriżi fl-ekonomija.  Is-saħħa ta’ l-attivita’ kummerċjali tiddependi ħafna minn negozji żgħar.

Il-Gvern irid jgħin lin-negozji żgħar sabiex ikomplu jinvestu fl-edukazzjoni, fl-użu ta’ l-informatika u fil-qasam ta’ kummerċ elettroniku.  Ta’ min jinnota li numru sostanzjali ta’ self-employed għandhom livell ta’ edukazzjoni ta’ mhux aktar mil-livell ta’ sekondarja.

“Din ir-riċerka ser tkompli tiġi analizzata u studjata biex tgħin fit-tħejjija tal-Pjan ta’ Ħidma.  Permezz ta’ informazzjoni bħal din, ser inkunu f’pożizzjoni biex nifhmu aħjar il-ħtiġijiet tas-self employed u sidien ta’ negozji żgħar, biex inkunu nistgħu niffaċilitaw aktar in-negozju” temm is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow