IMNIEDI L-VIDEO TAL-KANZUNETTA ‘VERTIGO’
Fil-10 ta’ Mejju Malta tieħu parti fis-semi-finali tal-‘Eurovision Song Contest’ f’Ħelsinki, bil-kanzunetta “Vertigo” li permezz tagħha Olivia Lewis rebħet l-edizzjoni ta’ din is-sena tal-Kanzunetta għall-Ewropa. Mis-semi-finali jiddependi jekk Malta tkunx fil-finali tat-52 ‘Eurovision Song Contest’ li ser issir fil-kapitali Finlandiża, Helsinki.
F’dawn l-aħħar jiem inħadem il-video li jakkumpanja il-kanzunetta “Vertigo”. Il-video hu produzzjoni ta’ “Where’s Everybody?”. Il-video – produzzjoni ta’ Pablo Micallef, P.J. Vassallo u Angie Laus – fil-parti l-kbira tiegħu nħadem filgħaxija fil-Birgu, fil-Baċir Numru 1, fil-Buskett, il-Palazz ta’ Verdala, Palazzo Parisio u f’ċimiterju antik fil-konfini tar-Rabat.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech nieda dan il-video waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fl-Eden Century, San Ġiljan.
Il-Ministru Zammit Dimech fakkar li l-għajta kienet nofs il-bejgħ u li l-promozzjoni kienet ingredjent ewlieni tal-bejgħ. Hu qal li bħalissa Olivia Lewis kienet qed iżżur pajjiżi Ewropej li jipparteċipaw fil-Eurovision Song Contest. Din kienet parti mill-promozzjoni. Hu qal li parti oħra importanti kienet il-video li nħadem dan l-aħħar minn “Where’s Everybody?”
“Nemmen li ‘Where’s Everybody?’ għamlu biċċa xogħol professjonali li għandha tgħin fil-promozzjoni tal-kanzunetta Maltija li ser tirrapreżenta lil Malta fis-semi-finali tal-Eurovision Song Contest. Mill-interpretazzjoni tal-kanzunetta Maltija fis-semi finali jiddependi jekk naslux għall-finali,” tenna l-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li Malta kellha kultura mużikali qawwija. Hu qal li fil-maġġoranza tal-parteċipazzjoni tagħna fil-Eurovision Song Contest ksibna riżultati pożittivi. Hu tenna li kien jemmen li din is-sena ma kellniex infallu għaliex il-kanzunetta Maltija kienet ta’ livell għoli.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-kanzunetta Maltija kienet ukoll mezz ta’ promozzjoni għal Malta bħala destinazzjoni turistika. Hu qal li kien għalhekk li l-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura, permezz tal-Maltasong Board, kien jagħti attenzjoni speċjali lil kanzunetta Maltija.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura awgura lil Olivia Lewis li tissupera s-semi-finali ħalli Malta wkoll tkun fil-finali tal-Eurovision Song Contest li tittella’ f’Helsinki fit-12 ta’ Mejju.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959