IL-MINISTRU NINU ZAMMIT JQASSAM WARRANTS LILL-PERITI
Is-sigriet ta’ l-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna hu f’investiment intensiv u għaqli fl-edukazzjoni sabiex pajjiżna jkun ippreparat għall-isfidi tal-ġejjieni. Pajjiżna jista` jimxi ’l quddiem billi jkollu professjonisti mgħallma u mħarrġa f’kull qasam li kapaċi jilqgħu dawn l-isfidi u jsarrfuhom f’ġid nazzjonali ħalli pajjiżna jkollu ekonomija b’saħħitha u sostenibbli.
Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iqassam warrants lil għoxrin perit li ggradwaw fl-aħħar xhur. Dawn il-periti l-ġodda ser ikomplu jżidu r-reġistru tal-periti f’pajjiżna li b’sodissfazzjon illum jaqbeż il-550 perit. Għalkemm il-linja professjonali tal-periti ssegwi b’mod prinċipali l-arkitettura u l-inġinerija ċivili, illum insibu ħafna mill-periti li apparti li jkunu segwew b’suċċess il-kors universitarju qed jispeċjalizzaw f’diversi oqsma bħar-restawr, bini ta’ toroq, enerġija u oħrajn. Dan qed iwassal biex f’pajjiżna qed ikollna spectra wiesgħa ta’ professjonisti f’kull qasam u għaldaqstant l-industrija tal-bini u l-infrastruttura qed tkun mirquma minn kull aspett.
Bis-sistemi moderni, bl-andament tal-bini kif ukoll bit-teknoloġija fl-infrastruttura lokali huwa meħtieġ li l-professjonisti jkunu aġġornati maż-żminijiet sabiex dak li jiddisinjaw u jfasslu jkun kompatibbli u jiffitja fl-ambjent in ġenerali. Il-Ministru Ninu Zammit insista li għalkemm għandna nżommu mar-ritmu tal-progress globali, għandna nibqgħu nirrispettaw il-punti bażiċi ta’ l-arkitettura ta’ pajjiżna. Hu ghaqli li kemm it-tagħlim kif ukoll il-gwidi prattiċi jkunu konformi ma’ standards u livelli Ewropej, pero’ fuq in-naħa l-oħra hu kruċjali li dak li jiġi mgħallem fit-teorija jkun assigurat li jista’ jitwettaq fil-prattika. L-istrutturi infrastrutturali kemm fil-kostruzzjoni, f’toroq, eċċ għandhom jiġu assigurati l-prinċipji ta’ public safety, kompatibbilta` ma’ l-ambjent urban u rurali ta’ pajjiżna u mal-prinċipju ta’ energy conservation.
Il-Ministru spjega lill-periti preżenti li l-għoti tal-warrant iġġorr magħha sfidi u responsabbilita` u għalhekk kull professjonist hu obbligat li dak li jimplimenta fis-soċjeta` jagħmlu bl-akbar responsabbilita` u integrita`. Il-Gvern hu determinat li jibqa’ joffri edukazzjoni b’saħħitha u ta’ l-għola livelli kif ukoll li jagħti l-għodda kollha disponibbli sabiex pajjiżna jkollu professjonisti ta’ l-għola kwalita`. Bħala parti minn dan l-impenn il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura qed iħejji qafas legali sabiex aktar professjonijiet ikunu koperti b’warrant li jingħata skond l-ispeċjalizzazzjoni tal-periti u l-inġiniera.
Fl-aħħarnett il-Ministru awgura lill-periti preżenti għaċ-ċerimonja ta’ l-għoti tal-warrants, sabiex dak li l-pajjiż investa fihom jissarraf f’ġid nazzjonali permezz ta’ kontribut siewi favur it-tisħiħ ta’ l-arkitettura ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959