Left arrow Mur Lura

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-AFFARIJIET RURALI U L-AMBJENT RIGWARD Allegazzjonijiet infondati minn Birdlife Malta

PR0349
Date Icon 08/03/2007

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jikkundanna l-impressjoni żbaljata li tipprova tagħti l-istqarrija maħruġa llum mill-Birdlife Malta. 

Ta’ min jgħid qabel xejn li d-deċiżjoni tal-Ministru Pullicino kienet ikkomunikata verbalment liċ-Chairman tal-Kumitat Ornis il-bieraħ wara nofsinhar.  L-istqarrija ippubblikata mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent il-bieraħ filgħaxija bid-dati ta’ l-istaġun tal-kaċċa u nsib fuq gamiem u summien ħarġet waqt il-ħin tal-protesta tal-FKNK u qabel ma kienu seħħew l-inċidenti fuq il-ġurnalisti.    

Mhuwiex ġust dak li qed tipprova tagħmel il-Birdlife li tinsinwa li hemm xi konnessjoni bejn l-istqarrija tal-Gvern u l-inċidenti tal-Belt Valletta.  Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, bħal kull entita` ċivili oħra f’dan il-pajjiż, jikkundanna kwalunkwe forma ta’ vjolenza fiżika bħalma seħħet il-bieraħ fil-Belt Valletta.  Madankollu, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ma jistax ma jikkundannax ukoll forom oħra ta’ inġustizzja, inkluż li wieħed jipprova jgħawweġ il-fatti. 

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jinnota li mkien fl-istqarrija tal-Birdlife Malta ma hemm riferenza għall-fatt li b’deċiżjoni tal-Ministru George Pullicino, l-istaġun tal-kaċċa fuq gamiem u summien fir-rebbiegħa ġie mnaqqas b’għaxart ijiem minn dak li kien irrakkomanda l-Kumitat Ornis.  Mhux talli ma issemmiex dan il-fatt, talli l-Birdlife tipprova tagħti l-impressjoni li l-Gvern ċeda għat-talbiet tal-kaċċaturi. 

Il-protesta tal-bieraħ filgħaxija fil-Belt Valletta minn kaċċaturi u nassaba hija l-aqwa risposta ta’ kemm hija fiergħa l-allegazzjoni tal-Birdlife li l-Gvern ċeda għall-kaċċaturi.  Il-Ministeru jfakkar ukoll kif il-Ministru Pullicino spiċċa fil-mira ta’ diversi attakki u theddid fl-aħħar ġimgħat u dan ikompli jikkonferma kemm ir-realta’ tas-sitwazzjoni hija ferm ‘il bogħod minn dak li ppruvat tpinġi l-Birdlife Malta. 

Din l-istqarrija qed tkun ippubblikata sabiex jiġu ċċarati l-fatti.  Filwaqt li l-Gvern japprezza r-rwol ta’ għaqdiet bħalma hi l-Birdlife, il-Gvern jifhem ukoll li f’ċerti deċiżjonijiet huwa diffiċli li kull naħa tieħu kull ma titlob.  Il-Gvern jappella għas-sens ta’ bilanċ u korrettezza mill-partijiet kollha kkonċernati.  La l-vjolenza fiżika u lanqas il-vjolenza verbali mhu se xxejjen l-isforzi kontinwi biex jinżamm il-bilanċ li l-Gvern qed ifittex b’mod responsabbli. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow