Left arrow Mur Lura

IMĦABBRA SKEMI MILL-ETC GĦAL TAĦRIĠ TA’ MPJEGATI F’NEGOZJI ŻGĦAR

PR0347
Date Icon 08/03/2007

“Il-ħidma tal-Gvern mas-self employed u sidien ta’ negozji żgħar hija ffukata biex toħloq impjiegi ġodda, filwaqt li tgħin biex titjieb il-kwalita’ tas-servizz u tal-prodott li permezz tiegħu jkun moqdi l-konsumatur.  Din il-ħidma tal-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, b’investiment ta’ madwar Lm3.5 miljun (€8.1 miljun) qiegħda twassal ukoll biex titjieb il-kwalita’ ta’ l-infrastruttura u l-ambjent fejn jaħdmu ħafna sidien ta’ negozji żgħar flimkien mal-ħaddiema tagħhom fiż-żoni industrijali.  Żona industrijali partikolari li gawdiet minn din il-ħidma tal-Gvern hija ż-żona industrijali tal-Mosta.”  Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem waqt żjara fiż-żona industrijali tal-Mosta, li fiha ġew imħabbra skemi offruti mill-ETC favur negozji żgħar u persuni self-employed.  Is-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed ser ikun qiegħed jaħdem id f’id ma’ l-ETC biex in-negozji ż-żgħar li jinsabu f’din u żoni oħra, kif ukoll negozji fiċ-ċentri kummerċjali f’Malta u Għawdex, ikunu mogħtija kull għajnuna biex jipparteċipaw f’dawn l-iskemi. 

L-Onor. Edwin Vassallo kompla jispjega li “bħalma ġara l-Ħandaq, it-titjib infrastrutturali li sar fit-toroq ta’ din iż-żona industrijali, qiegħed jgħin biex din iż-żona industrijali tattira lejha aktar persuni li qegħdin ifittxu li jiftħu n-negozji tagħhom.  Qiegħed ikun ikkalkulat li l-investiment li qiegħed isir mis-settur privat fix-xiri u l-bini ta’ art li fiha ser jinbnew binjiet għal negozji ġodda bħala estensjoni ta’ dak li diġa’ huwa eżistenti f’din iż-żona, jista’ faċilment ilaħħaq it-Lm3 miljun (€6.9 miljun).  Għaldaqstant huwa wkoll ikkalkulat li f’din iż-żona industrijali, fi żmien sena u nofs, tista’ faċilment tkun qiegħda toħloq mal-125 opportunita’ ta’ impjieg. 

“Biex il-Gvern ikompli jgħin lis-sidien ta’ negozji żgħar fil-ħolqien ta’ l-impjiegi, permezz ta’ l-ETC, il-Gvern qiegħed jipprovdi għajnuna permezz ta’ skemi ta’ taħriġ magħmula apposta biex jgħinu lis-sidien ta’ negozji fl-impjieg tal-ħaddiema tagħhom.” 

Joe Cutajar, Senior Manager, Training Services Division fi ħdan il-Korporazzjoni għall-Impjiegi u Taħriġ (ETC) ta dettalji dwar żewġ inizjattivi.  L-ewwel waħda tinkludi numru ta’ programmi ta’ taħriġ ta’ Business u Management żviluppati speċificament għal imprendituri u/jew sidien ta’ negozji żgħar u medji.  Dawn il-programmi jittrattaw suġġetti bħal:  finanzi; marketing; negotiating skills; aspetti ta’ liġi dwar negozji żgħar, business planning; immaniġġjar ta’ persuni u ta’ riżorsi.  It-tieni inizjattiva hi t-Training Subsidy Scheme (TSS), li għandha bħala għan il-promozzjoni ta’ kultura ta’ tagħlim fost dawk li jaħdmu f’negozju żgħir.  Din l-iskema tipprovdi assistenza finanzjarja lill-impjegati u sidien ta’ negozji żgħar meta jipparteċipaw f’inizjattivi biex itejjbu t-tagħrif u l-ħiliet tagħhom.  Dan is-sussidju jkopri 75% ta’ l-ispejjeż ta’ taħriġ sa’ massimu ta’ Lm200 (€465.87). 

Waqt il-konferenza ġie spjegat ukoll stħarriġ li ser isir mill-ETC fost is-sidien ta’ negozji li jinsabu fiż-żoni industrijali ta’ Tarġa Gap u Tas-Sriedak, il-Mosta.  Edwin Camilleri, Manager Labour Market Information, spjega li l-objettiv ta’ dan l-isħarriġ fost is-sidien ta’ negozji żgħar f’żoni industrijali hu li jidentifika xi nuqqasijiet jew skills gaps li qegħdin isibu l-persuni li jħaddmu.  L-ETC hi interessata li tidentifika dawn in-nuqqasijiet kemm biex tgħin lil min iħaddem billi tipprovdi taħriġ għall-impjegati, kif ukoll biex tħarreġ persuni li qegħdin ifittxu x-xogħol fil-ħiliet li huma mfittxija.  Dan l-istħarriġ ser ikun fih ħames mistoqsijiet u ser jibda jsir fil-ġimgħat li ġejjin. 

Fit-tmiem tal-konferenza, is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo awgura li s-sidien ta’ negozji u persuni self-employed f’dawn iż-żoni jieħdu vantaġġ mill-opportunitajiet li qegħdin jiġu offruti lilhom, biex b’hekk il-ħaddiema tagħhom ikunu mħarrġa skond il-ħtiġijiet tagħhom.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow