Left arrow Go Back

“Il-Gvern jemmen fin-negozju u jemmen ukoll f’konsultazzjoni li twassal għal ħidma li tiffAċilita n-negozju.” – IS-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo

PR0339
Date Icon 07/03/2007

“L-attivita’ kummerċjali qiegħda kontinwament tiżdied, u hemm bżonn li n-negozji tagħna jitgħallmu kif jirbħu fil-kompetizzjoni u mhux lill-kompetizzjoni.  Il-kompetizzjoni hija l-enerġija tas-suq, u jekk in-negozji jagħrfu jużawha, tista’ tkun għodda tajba għalihom.  In-negozji għandhom jitħallew jaħdmu bl-inqas xkiel, u l-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed qiegħed ifassal inizjattivi li jgħinu biex jiffaċilitaw in-negozju.  Irridu naħdmu biex n-negozji ż-żgħar tagħna ma jibżgħux jaħdmu fil-kompetizzjoni”  Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal dan waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li fiha saret sejħa pubblika għal proċess ta’ konsultazzjoni li għandu jwassal biex jiġu mħejjija l-inizjattivi għall-pjan ta’ ħidma 2007 – 2008.

Preżenti wkoll għall-konferenza kien hemm rappreżentanti mill-MHRA, l-FOI, il-MIM u Chamber of Commerce and Enterprise li, flimkien mal-GRTU u l-MEA ser ikunu qegħdin jgħinu lis-Segretarjat Parlamentari fit-tfassil ta’ pjan ta’ ħidma billi jwasslu l-ħtiġijiet tal-membri tagħhom lis-Segretarjat.  B’dan il-mod, il-pjan ta’ ħidma tas-Segretarjat ikun ibbażat fuq dak li verament għandhom bżonn is-sidien ta’ negozji u persuni self-employed.

Ingħatat preżentazzjoni li tat stampa tas-sitwazzjoni tan-negozju u l-kompetizzjoni f’Malta, u ta’ kif ser ikun qiegħed jaħdem is-Segretarjat Parlamentari biex jgħin lin-negozji.  Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo qal li “n-negozji ż-żgħar f’pajjiżna huma sors ta’ ħolqien ta’ impjiegi, u n-numru ta’ impjegati ma’ negozji żgħar f’dawn l-aħħar snin dejjem żdied.  Is-sitwazzjoni ta’ dawn l-impjiegi hija waħda stabbli. Għalkemm hawn min jgħid li hemm numru ta’ negozji li qegħdin jagħlqu, għal kull negozju li jagħlaq, insibu oħrajn li jiftħu u jiġġeneraw l-impjiegi. Illum qed ikun hemm turnover akbar fil-bdil tal-ġeneru tan-negozju, b’difersifikazzjoni għaddejja l-ħin kollu biex jirbħu fil-kompetizzjoni.”

“Il-Kompetizzjoni tgħinna nżommu l-għoli tal-ħajja taħt kontroll.  Għalkemm in-negozjanti jgergru fuq il-kompetizzjoni, din l-istess kompetizzjoni tippermetti li l-konsumaturi ikollhom għażla aktar varjata, garanzija li jistgħu jinqdew aħjar; u aktar għażla ta’ prezzijiet li jinżammu taħt kontroll.  Il-Kompetizzjoni qiegħda tikber għax qiegħed jiżdied in-numru ta’ negozji ġodda.  Dan għaliex illum sar ferm aktar faċli li wieħed japplika u jieħu liċenzja tan-negozju.  Permezz ta’ numru ta’ emendi li saru, tnaqqset il-burokrazija żejda li kien hemm fil-proċess ta’ ħruġ ta’ liċenzi tan-negozju, u b’hekk sar aktar faċli li wieħed jiftaħ negozju ġdid, iżda fl-istess ħin, dan it-tnaqqis ta’ burokrazija wassal għal żieda fil-kompetizzjoni.  Skond stħarriġ tal-GRTU, it-tieni l-akbar problema li qegħdin jiffaċċjaw in-negozju mhumiex it-taxxi jew l-burokrazija, iżda l-kompetizzjoni.

“Biex in-negozji tagħna jirbħu fil-kompetizzjoni hemm bżonn li n-negozji tagħna jikkompetu fuq il-kwalita’, billi jitgħallmu joffru prodotti u servizzi li huma ta’ l-aħjar kwalita u jkollhom vantaġġ kompetittiv billi joffru skemi ġodda, servizz aħjar lill-konsumatur, u jagħmlu użu ta’ marketing aħjar.  Iridu wkoll jagħmlu użu massimu tar-riżorsi, u jikkompetu bil-kapaċitajiet tagħhom.”

L-Onor. Vassallo spjega li biex jgħin lin-negozji jaħdmu aħjar fid-dinja kompetittiva tal-lum, is-Segretarjat Parlamentari fassal pjan ta’ azzjoni bbażat fuq il-prinċipji taċ-Ċarter Ewropew għan-Negozji żgħar, li huma: 

1.                  Edukazzjoni u taħriġ għall-Imprenditorija

2.                  Mezz irħas u eħfef biex jgħin in-negozji jibdew jaħdmu

3.                  Liġijiet u regolamenti aħjar

4.                  Irid ikun hemm nies tas-sengħa

5.                  Intejbu l-aċċess permezz ta' l-Internet

6.                  Aktar minn Suq wieħed

7.                  Inizjattivi rigward it-Taxxa u dawk finanzjarji

8.                  Insaħħu l-Kapaċitajiet teknoloġiċi ta' l-Intrapriżi ż-żgħar

9.                  Mudelli ta' kummerċ elettroniku li rnexxew u nkoraġġiment għall-użu ta' l-ogħla livell favur in-negozji ż-żgħar

10.              Niżviluppaw rappreżentanza aktar b'saħħitha u effettiva ta' l-interessi ta' l-intrapriżi ż-żgħar f'livell ta' Unjoni u Nazzjonali

Il-pjan ta’ ħidma ser jindirizza tliet binarji primarji:

§                     Start-ups

§                     Trasferiment – i) ta’ sid u ii) bdil fil-ġeneru ta’ negozju

§                     Egħluq ta’ negozju

Dawn it-tliet binarji ser jinħadmu minn żewġ aspetti:  mill-element burokratiku u mill-element loġistiku.

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo temm billi qal li “il-proċess ta’ konsultazzjoni ser iwassal għat-tfassil ta’ dokument li jikkumplimenta l-pre-budget document.  Il-pjan ta’ ħidma tas-Segretarjat tiffoka fuq in-negozji iż-żgħar u għandha twassal biex inkunu innovattivi fil-ħidma politika tagħna u nuru li dan il-Gvern huwa verament qrib tan-negozju u jieħu bis-serjeta’ l-kwistjonijiet li jtellfu lin-negozju.  Din hija wirja li dan hu Gvern li l-pjanijiet tiegħu jagħmilhom wara li ssir konsultazzjoni xierqa ma’ dawk kollha li ser jiġu affettwati mid-deċiżjonijiet li jittieħdu.”

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow