Left arrow Mur Lura

Konsultazzjoni Pubblika dwar il-Green Paper rigward l-Istrumenti għall-Ħarsien tal-Kummerċ ta’ l-Ewropa

PR0338
Date Icon 07/03/2007

Il-kummerċ u l-applikazzjoni ta’ strumenti ta’ ħarsien għandhom effetti wiesgħa, partikolarment għaliex jinvolvu lil dawk li jimmanifatturaw, l-importaturi u fl-aħħar mill-aħħar lill-konsumaturi.

F’Diċembru 2006, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat Green Paper bl-isem ‘Ewropa Globali – Strumenti għall-Ħarsien tal-Kummerċ ta’ l-Ewropa, fil-Kuntest ta’ Ekonomija Globali li Tinbidel’, li tqajjem diversi mistoqsijiet dwar il-mekkaniżmi għall-ħarsien tal-kummerċ. Wieħed mill-aspetti l-aktar interessanti jinvolvi dak li għandu jitqies bħala interess Ewropew. Din il-Green Paper għandha l-għan li tiġbor ir-reazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati.

Minħabba r-relevanza diretta ta’ dan id-dokument għall-komunità kummerċjali Maltija kif ukoll għar-rappreżentanti tal-konsumatur, Forum Malta fl-Ewropa, flimkien mad-Diviżjoni ta’ l-Affarijiet Ewropej u Ekonomiċi fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Barranin u d-Diviżjoni tal-Politika Ekonomika fi ħdan il-Ministeru tal-Finanzi organizza laqgħa ta’ informazzjoni u konsultazzjoni dwar is-suġġett. 

Is-seminar infetaħ b’indirizz mill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin Michael Frendo.  Huwa saħaq li dwar l-importanza li dawn l-istrumenti ekonomiċi ikunu mgħarbla minn dawk kollha interessati u jsiru suġġerimenti biex ikunu jistgħu jaslu għand l-Unjoni Ewropea qabel tittieħed deċiżjoni finali dwarhom.  (ara diskors sħiħ tal-Ministru fil-verżjoni bl-Ingliż)

Huwa faħħar lill-Forum Malta fl-Ewropa ta’ l-inizjattiva u rringrazzjah għall-ħidma tiegħu sabiex iressaq l-iżviluppi li jkunu qed iseħħu fl-Unjoni Ewropea eqreb lejn is-socjeta` ċivili Maltija.

Il-Ministru Frendo ġie segwit minn preżentazzjoni minn Dr Joe Bugeja u s-Sinjorina Natasha Barbara mid-Diviżjoni għall-Politika Ekonomika li spjegaw l-Istrumenti għall-Ħarsien tal-Kummerċ.  Dawn huma miżuri ta’ anti-dumping, anti-subsidy u safeguard.  Il-politika kummerċjali komuni hija bbażata fuq prinċipji uniformi, fejn jidħol tibdil fir-rati ta’ tariffi, il-konklużjoni ta’ ftehim fuq tariffi u kummerċ, il-kisba ta’ uniformita’ f’miżuri ta’ liberalizzazzjoni, il-politika ta’ l-esportazzjoni u miżuri li jħarsu l-kummerċ bħal dawk li jittieħdu f’ każijiet ta’ dumping kif ukoll sussidji.  Permezz ta’ politika ta’ kummerċ komuni s-27 Stat Membru jistgħu jitkellmu fuq livell internazzjonali b’vuċi waħda.  F’dinja dejjem aktar globalizzata, dan huwa ta’ importanza kbira, minħabba li ekonomiji diversi qedgħin dejjem aktar jingħaqdu fi gruppi reġjonali kbar.  Il-Green Paper tkopri l-aspetti prinċipali tal-kummerċ fi prodotti u servizzi.

Segwiet imbagħad preżentazzjoni mill-kelliem ewlieni, is-Sur Andreas Schwarz mid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea, li spjega s-servizzi għall-ħarsien tal-kummerċ kif imħaddma mill-Kummissjoni Ewropea.  Is-Sur Schwarz saħaq li dawn il-miżuri għall-ħarsien tal-kummerċ għandhom iservu l-interess ekonomiku globali ta’ l-UE, inkluż dak tal-produtturi, ħaddiema u konsumaturi.  Ir-regoli ta’ l-UE għandhom ikomplu jindirizzaw sitwazzjonijiet fejn prezzijiet orħos ta’ l-importazzjoni mhumiex immexxija biss minn vantaġġi komparattivi ta’ spejjeż ta’ xogħol u produzzjoni f’ pajjiżi terzi.  Is-Sur Schwarz kompla jgħid li l-kwistjoni tal-produzzjoni taż-żraben kienet waħda mir-raġunijiet li qanqlet din il-Green Paper. 

Sadanittant, intrapriżi u organizzazzjoniet oħrajn huma mistiedna biex jikkuntatjaw lid-Direttorat Ġenerali għall-Kummerċ fi ħdan il-Kummissjoni Ewropea sabiex jippreżentaw kummenti relatati ma’ kwistjonijiet ta’ ħarsien ta’ kummerċ.  Dawn il-kontribuzzjonijiet jintlaqgħu sal-31 ta’ Marzu 2007.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow