Left arrow Mur Lura

fl-aħħar sentejn Il-Gvern Ċentrali investa fi 19-il triq residenzjali f’Raħal Ġdid

PR0337
Date Icon 07/03/2007

Fl-aħħar sentejn, il-Gvern Ċentrali ffinanzja xogħlijiet f’xejn inqas minn 19-il triq residenzjali f’Raħal Ġdid.

Waqt żjara li għamel fi Triq id-Durrgħajsa fl-inħawi tax-Schreiber, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li Raħal Ġdid huwa xempju ta’ kif ix-xogħol fuq it-toroq residenzjali mill-Gvern Ċentrali jista’ jwassal għal titjib ta’ l-ambjent urban fl-irħula tagħna.

“Il-bini ta’ Triq it-Tama u Triq il-Gurbell, biddlu għal kollox id-dehra ta’ din in-naħa ta’ Raħal Ġdid li għal żmien twil tħalliet nieqsa mill-attenzjoni tal-Gvern Lokali,” qal il-Ministru Mugliett.

Hu żied jgħid li minbarra li bniet Triq it-Tama u Triq il-Gurbell, l-Awtorità Dwar it-Trasport investiet bil-qawwi wkoll fil-bini ta’ toroq residenzjali ġodda f’partijiet oħra tar-raħal. Dawn kienu Triq ix-Xewk, Triq Carmelo Robinich, Triq Marija Addolorata, Triq Salvatore Imbroll, Triq Anġlu Psaila, parti minn Triq iċ-Ċimiterju u Triq Mons. Franġesku Xuereb. Dawn id-disa’ toroq saru b’investiment ta’ ‘l fuq minn Lm130,000 (€302,818).

Il-Ministru għall-Iżvilupp u Toroq qal ukoll li bħal issa qed jintefqu mal-Lm55,000 (mal-€128,155) oħra fuq il-bini ta’ Triq id-Durrgħajsa, Triq it-Tfief u Triq San Alwiġi. Ix-xogħol f’dawn it-toroq ser jitlesta fi ftit ġimgħat oħra, biex imbgħad ikun għad fadal biss x’jinbnew ħames toroq f’din il-lokalità. Dawn huma Triq Pietru Pace, Triq l-Ibjar, il-parti t’isfel ta’ Triq Ninu Cremona, Triq Ġdida fi Triq Arkata u Triq Ħal Tarxien li hija waħda mit-toroq li ddaħħlet fil-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008 peress li trid tinbena mill-ġdid minħabba li hija triq li tara volumi kbar ta’ traffiku.

Il-Gvern Ċentrali wettaq ukoll xogħol sostanzjali biex ta wiċċ ġdid lil toroq importanti b’din il-lokalità, bħal Triq Għajn Dwieli fejn intefqu Lm20,000 (€46,587) u l-parti ta’ fuq ta’ Triq Ninu Cremona li swiet madwar Lm10,000 (€23,293). Dan minbarra li l-ADT qasmet l-ispejjeż mal-Korporazzjoni Għas-Servizzi ta’ l-Ilma biex ingħata wiċċ ġdid lil parti minn Triq San Ġużepp, parti minn Triq Ħaż-Żabbar, parti minn Triq is-Sorijiet, parti minn Triq San Ġorġ u parti minn Triq Schreiber, wara li nbidlu l-mejnijiet ta’ l-ilma fihom.

“Fix-xogħlijiet ta’ dawn it-toroq, il-Gvern dejjem qed ikun sensittiv għall-ħtiġijiet tar-residenti, ħwienet u l-ambjent ta’ l-inħawi. Dan jikkontrasta bil-qawwi ma’ xogħlijiet li għaddejjin bħalissa fuq bankini ġodda fi Triq Valletta, quddiem il-Faċilità Korettiva ta’ Kordin. Ix-xogħol fuq dawn il-bankini li qed isir mill-Kunsill Lokali ta’ Raħal Ġdid qiegħed inissel ħafna diżgwid fost il-komunitajiet ta’ din it-triq partikolarment minħabba il-kwalità tax-xogħol li qed isir, kif ukoll minħabba id-diżinn innifsu,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow