Gvern Laburista Tas-snin SEBGĦIN kien ‘tilef’ il-Katakombi ta’ Ħal Resqun
Fid-diskors tiegħu tal-Ħadd li għadda dwar l-ispiża fuq il-bini mill-ġdid ta’ Vjal l-Avjazzjoni Ċivili, il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni kellu jerġa’ jdur għal informazzjoni nofsa nejja biex jipprova jtappan xi ftit mis-suċċessi li qed jikseb il-Gvern fit-titjib tan-network ta’ toroq arterjali u distributorji f’pajjiżna.
Għalkemm Sir Temi Żammit kien kiteb dwar l-eżistenza tal-Katakombi ta’ Ħal Resqun fl-1912, waqt id-diskors tiegħu Dr. Alfred Sant konvenjentement nesa’ jsemmi li dawn kienu ntilfu sforz in-nuqqas ta’ rispett lejn il-wirt kulturali ta’ pajjiżna, it-traskuraġni u n-nuqqas ta’ serjetà li kienu jikkaratterizzaw ix-xogħlijiet pubbliċi kollha li kienu jsiru fi żmien l-Amministrazzjoni Laburista tas-snin sebgħin.
Fil-fatt, il-lokazzjoni eżatta ta’ dawn il-Katakombi Paleo-Kristjani kienet intilfet meta fl-1977 inbnew it-toroq li llum idawwru l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Minn investigazzjonijiet li saru wara s-sejba mill-ġdid tal-Katakombi s-sena l-oħra, deher ċar li dawn kienu tgħattew waqt li kienet qed tinbena r-roundabout ta’ ħdejn l-ajruport, 30 sena ilu. Ta’ min isemmi wkoll li l-mod kif kienu ġew issiġillati dawn il-katakombi, ikkawżalhom ħsara kbira peress li l-ilma mħallat mal-ħamrija baqa’ jnixxi fihom għal dawn is-snin kollha. Barraminhekk, fl-istess żmien kienu saħansitra nqatgħu trinek ġo dawn il-katakombi sabiex jgħaddu mejnijiet ta’ l-ilma minn ġo fihom.
Għalkemm il-permess ta’ l-Awtorità għall-Iżvilupp u l-Ippjanar għall-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Vjal l-Avjazzjoni Ċivili jsemmi l-possibiltà li l-Katakombi ta’ Ħal Resqun setgħu kienu fl-inħawi milquta mill-proġett, il-pjanti li kellha is-Sovrintendenza għall-Wirt Kulturali ma kienux kompluti u għalhekk il-Katakombi ma setgħux jiġu mmarkati bi preċiżjoni. B’konsegwenza t’hekk il-pożizzjoni tagħhom ma setgħetx tiġi integrata fil-pjanti tal-proġett.
Il-Katakombi kienu nstabu mill-ġdid waqt ix-xogħlijiet fil-11 t’Awissu li għadda eżatti f’tarf ir-roundabout ta’ l-Ajruport. Ix-xogħol twaqqaf immedjatament sabiex setgħu jsiru l-ewwel investigazzjonijiet tas-sit, kif ukoll sabiex jiġi deċiż x’kellu jinbidel fil-pjanti u l-pjanijiet oriġinali tal-proġett sabiex jitħarsu dawn il-Katakombi.
Fost dawn kien hemm tkabbir tar-roundabout sabiex l-entratura għall-Katakombi tibqa’ fil-perimetru tagħha, kellu jiddawwar ukoll il-common service duct ġdid li kien ser jilqa’ s-servizzi (li r-rotta tagħhom kif ippjanata kienet ser tgħaddi minn fuq il-Katakombi), inksiet ir-roundabout bil-konkrit sabiex titwaqqaf it-tnixxija ta’ l-ilma, filwaqt li kellha tinbidel l-iskema tal-landscaping kif proposta originarjament. Dawn kollha wasslu għal żieda fuq l-ispiża prevista għal dan il-proġett.
Fid-dawl ta’ dan kollu, jidher ċar li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni nhar il-Ħadd jew kien miżinfurmat fuq l-effett li kellha fuq il-proġett ta’ Vjal l-Avjazzjoni Ċivili din is-sejba arkejoloġika, jew inkella verament jemmen li monument ta’ valur storiku bħal dan għandha ssirlu ħsara jew saħansitra jinqered sabiex ma tinqabiżx l-ispiża ippjanata, bħal ma kien isir mill-Amministrazzjonijiet Laburisti tal-passat.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni l-bieraħ allega wkoll li in-nefqa fuq dan il-proġett żdiedet minħabba li fih żdiedu common service duct u storm water culvert li ma kienux fil-pjanijiet oriġinal.
Filwaqt li l-common service duct żdied mal-proġett wara talba mill-korporazzjonijiet tas-servizzi biex ikunu jistgħu jagħmlu manutenzjoni aħjar fl-infrastruttura li għandhom taħt ir-roundabout ta’ l-ajruport, Dr. Sant messu kien informat li l-istorm water culvert lejn il-ġibjun tal-Ġudja matul Dawret il-Gudja ma setgħax ikun fil-pjanijiet oriġinali tal-proġett minħabba li dan kien qed isir b’finanzjarjament taħt il-Fond ta’ Koeżjoni.
Dan il-Fond jiffinanzja biss proġett fuq toroq li jkunu jiffurmaw parti mit-Trans-European Network - Transport (TEN-T) ta’ l-Unjoni Ewropea. Il-culvert tul Dawret il-Gudja ma setgħax jiddaħħal fit-tender oriġinali u l-istejjem li hemm fih, propju minħabba li din it-triq ma tiffurmax parti mit-TEN-T network f’pajjiżna. Dan il-culvert għalhekk kellu jsir b’finanzjament mill-Gvern ta’ Malta u seta’ jsir biss b’varjazzjoni fuq il-kuntratt oriġinali.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959