GRAZZI GĦALL-PROGETT MILL-AQWA GĦALL-EDUKAZZJONI TAL-POPLU
“Il-MUSEUM mhux biss hu proġett provvidenzjali għall-formazzjoni reliġjuża u t-tagħlim tar-reliġjon nisranija, iżda hu wieħed mill-aqwa proġetti li qatt rat Malta li firex u saħħaħ l-edukazzjoni u l-litteriżmu tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-poplu Malti u Għawdxi ma jista` qatt ikun grat biżżejjed lejn Dun Ġorġ u l-membri kollha nisa u rġiel tal-MUSEUM, tal-bieraħ u tal-lum, li matul mitt sena ta’ ħidma fetħu Oqsma f’kull belt u raħal u ddedikaw ħajjithom u ġidhom biex jgħallmu t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna u jagħtuhom edukazzjoni f’kull sens.” Dan stqarru l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea f’għeluq iċ-ċentinarju li jaħbat għada 7 ta’ Marzu mit-twaqqif tas-soċjeta` tal-MUSEUM mill-fundatur il-Beatu Dun Ġorġ Preca.
Il-Ministru Galea qal li biex wieħed japprezza l-viżjoni u l-kariżma tas-soċjeta` tal-MUSEUM wieħed irid jiftakar fiċ-ċirkostanzi soċjali u ekonomiċi tal-poplu tagħna mitt sena ilu. F’dawn iċ-ċirkostanzi ta’ faqar u injoranza Dun Ġorġ u sħabu kienu pijunieri ta’ l-aqwa kwalita` li riedu mhux biss iwettqu l-vokazzjoni tagħhom reliġjuża iżda fehmu li wieħed mill-aqwa strumenti għall-iżvilupp tal-poplu kien il-litteriżmu u l-edukazzjoni. Wieħed irid japprezza wkoll id-dimensjoni ġdida li daħħal Dun Ġorġ fil-Knisja Maltija meta waqqaf waħda mill-ewwel organizazzjonijiet magħmula kollha kemm hi minn lajċi, nisa u rġiel.
“Minn kmieni nsibu lil tal-Mużew jippubblikaw kotba bil-Malti u jiftħu l-ewwel ċentri ta’ dak li llum insejħulhom il-Kindergartens. Taw kontribut kbir għall-iżvilupp ta’ l-ilsien Malti. Minn kmieni ħasbu biex jibnu l-iskola St Michael’s fil-Ħamrun. Ma kienux jitkellmu fuq l-importanza tat-tagħlim tad-duttrina nisranija jekk mhux fil-kuntest ta’ edukazzjoni sħiħa tal-bniedem. Min jaf kemm membri tal-Mużew li huma wkoll għalliema taw privatijiet b’xejn u għinu fl-istudju tant tfal u żgħażagħ fiċ-ċentri tal-Mużew. Mill-ewwel provdew l-okkażjoni ta’ l-eżerċizzju fiżiku bil-passiġati ta’ nhar ta’ Ħadd wara nofs in-nhar u bil-logħob ta’ kull tip li kien isir fl-Oqsma tagħhom. Mill-ewwel provdew opportunita` għal żvilupp ta’ ħiliet ta’ crafts bl-eluf ta’ presepji u pasturi li kienu jinħadmu għall-okkażjoni tal-Milied.”
Il-Ministru Louis Galea fakkar ukoll li l-membri tal-Mużew huma fost l-aqwa ħaddiema eżemplari fuq kull post tax-xogħol fejn jaħdmu, inkluż fit-Tarzna. “Wieħed isib dawn il-ħaddiema f’kull kwalita` u qasam ta’ xogħol, ta’ l-id u tal-moħħ, ta’ management u ta’ labourer, gradwati u mhumiex, ta’ self-employed, biedja u sajd. Dawn il-ħaddiema dejjem urew sens kbir ta’ solidarjeta` ma’ sħabhom il-ħaddiema u urew il-ħila u l-impenn ta’ kif kuljum seba` t’ijiem fil-ġimgħa wara ġurnata xogħol kienu jsibu l-ħin u jintefgħu għax-xogħol diffiċli tat-tagħlim l-edukazzjoni tat-tfal, żgħażagħ u poplu in ġenerali.”
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni temm mill-messaġġ tiegħu billi f’isem il-Gvern u l-poplu Malti u Għawdxi irringrazzja lill-membri kollha tas-soċjeta` MUSEUM għall-ħidma ta’ fejda bla qies li huma qed iwettqu għat-tagħlim u l-edukazzjoni f’pajjiżna.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959