L-ISKOLA SEKONDARJA L-ĠDIDA F’ĦAL QORMI TIFTAĦ F’SETTEMBRU LI ĠEJ
“Il-Gvern ser ikun bena t-tieni skola sekondarja ġdida f’temp ta’ anqas minn sentejn. Disa’ xhur ilu, fit-13 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra, qiegħdna l-ewwel ġebla ta’ din l-iskola sekondarja ġdida f’Ħal Qormi. Fi ftit xhur l-iskola nbniet u bħalissa x-xogħol miexi b’rittmu tant mgħaġġel li f’Settembru li ġej, din l-iskola ser tiftaħ il-bibien tagħha għall-istudenti.” Dan qalu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi meta dalgħodu żar il-bini ta’ l-iskola l-ġdida akkumpanjat mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea. “Dan hu eżempju tajjeb ta’ kif il-Gvern qed iwettaq dak li jwiegħed fi żmien qasir u b’kwalità għolja. Qatt daqs illum ma kien hawn investiment fl-edukazzjoni u qatt daqs illum ma kellna investiment f’titjib ta’ skejjel u bini ta’ skejjel ġodda.” tenna Lawrence Gonzi. Il-Prim Ministru fakkar li bħalissa l-Gvern qed jaħdem fuq il-bini ta’ ħames skejjel ġodda – dawk ta’ Ħal-Qormi u ta’ Bormla li diġa’ bdew u dawk ta’ Għawdex, Mosta u Pembroke li mistennija jibdew fiż-żmien li ġej.
L-iskola l-ġdida se tfisser investiment ta’ madwar Lm 3m (€ 6.99 m) u se jkollha l-istess standards tal-Kulleġġ San Benedittu sekondarja subien li nbniet f’Ħal Kirkop. Din l-iskola hi mibnija fuq erba’ sulari fuq medda ta’ art ta’ iżjed minn 20,000 m2 li aktar minn nofshom (12,000 m2) huma għar-rikreazzjoni tat-tfal. L-iskola se jkollha 132 kamra ta’ daqs kbir u arjuzi li jinkludu; 45 klassi, 18 resource room, 17 laboratorji tax-xjenza u tat-teknoloġija, 5 laboratorji tal-komputer, 3 kmamar għal Guidance u Counselling, 3 kmamar għall-Arti, 3 għat-Technical Drawing, Canteen, Librerija, changing rooms, 5 PSD rooms, 3 Staff Rooms, Drama Room u kamra multi-purpose, 8 kmamar għal-amminstrazzjoni, klinika u numru ta’ stores. L-iskola u s-servizz taghha huma kompletament aċċessibli anke permezz ta’ żewġ lifts li jservu s-sulari kollha.
L-iskola se tkun waħda li filwaqt li tirrispetta l-ambjent hi magħmula b’mod li jiffranka l-ispejjeż fuq il-konsum tad-dawl u l-ilma. Fil-fatt, is-soqfa ta’ l-iskola huma miksija b’polyurethane foam insulation li huma maħsuba biex inaqqsu l-kesha fix-xitwa u s-sħana fis-sajf. Barra minnhekk il-ħġieġ fl-aperturi ta’ barra ser ikun double glazed u laminated għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurta’. Qed jinbnew ukoll żewġ ġibjuni li jesgħu volum ta’ mhux anqas minn miljun u mitejn elf litru (1,200,000) ilma biex dan jintuża mill-iskola. L-iskola se jkollha sistemi ta’ Solar Water Heaters kif ukoll Solar Panels li jipproduċu l-elettriku għall-iskola li se tkun qed tuża wkoll l-aħħar teknoloġija fis-sistema ta’ l-elettriku, mgħarufa bħala T5 Technology, u energy saving lamps, l-iżjed biex ikun ikkunsmat l-inqas ammont possibbli ta’ enerġija. L-iskola se jkollha wkoll Solar Lighting Units li permezz tagħhom id-dawl tax-xemx jiġi mmexi minn fuq il-bejt minn ġo tubi jleqqu ħafna lejn is-soqfa tal-kuriduri biex jiddawwlu mingħajr użu ta’ l-elettriku. Hemm ukoll il hsieb li tigi nstallata Wind Turbine zghira li tiġġenera l-elettriku.
Il-Prim Ministru qal li l-Gvern irid ikun ta’ eżempju u jkun minn ta’ quddiem biex juża sistemi ġodda li jiffrankaw l-użu ta’ l-elettriku u ta’ l-ilma li t-tnejn illum aktar minn qatt qabel għandhom valur kbir. Dr Gonzi qal li l-edukazzjoni u l-ambjent huma prioritajiet ta’ dan il-Gvern u dak li qiegħed isir f’din l-iskola juri kif b’mod konkret nistgħu nagħmlu d-differenza u kif dan jista’, permezz ta’ l-edukazzjoni jwassal biex aktar familji Maltin jużaw sistemi ġodda li filwaqt li jgħinuhom inaqqsu mill-konsum u b’hekk mill-ispejjeż ikunu qed jagħmlu l-parti tagħhom għal ambjent aħjar.
L-iskola se jkollha wkoll faċilitajiet rikreattivi mill-aqwa b’9-a-side synthetic turf football pitch u athletic track twila 200 metru b’6 lanes. L-iskola se jkollha wkoll teatru grieg u faċilitajiet oħrajn għall-isport.
Il-Ministru Louis Galea qal li disa’ xhur biss wara li tpoġġiet l-ewwel ġebla f’din l-iskola, ix-xogħol ta’ kostruzzjoni wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu kif ukoll inbdew l-istallazjoni ta’ sistemi mekkaniċi u elettriċi, u xogħlijiet ta’ finitura. Hu qal li dan huwa wieħed biss minn tant proġetti li jsiru fil-ħin, skond il-budget u b’kwalità mill-ogħla.
Waqt iz-zjara, il-Prim Ministru u l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni ltaqgħu mal-Ko-ordinatur tal-Kulleġġ kif ukoll kapijiet ta’ skejjel fi ħdan il-kulleġġ, il-Kunsill ta’ l-istudenti, għalliema u ġenituri kif ukoll diversi ħaddiema li qed iwettqu x-xogħlijiet, ma periti u impjegati tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.
Il-Ministru Louis Galea qal li l-Kulleġġ jiġbor fih l-iskejjel primarji ta’ Ħal-Qormi, Ħal-Luqa, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbug u l-iskola Junior Lyceum Maria Reġina tal-Blata l-Bajda. Ir-riforma diġa` bdiet billi l-Kulleġġ għandu l-Kordinatur tiegħu u l-Kapijiet ta’ l-iskejjel qed jaħdmu flimkien għall-edukazzjoni ta’ l-istudenti permezz tal-Kunsill tal-Kapijiet. Il-Ministru qal li issa qed isir xogħol biex jissaħħu l-elementi tar-riforma li trid twassal għal edukazzjoni ta’ kwalità ‘biex uliedna jirnexxu lkoll’.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959