Left arrow Go Back

L-ISKOLA SEKONDARJA L-ĠDIDA F’ĦAL QORMI TIFTAĦ F’SETTEMBRU LI ĠEJ

PR0327
Date Icon 06/03/2007

“Il-Gvern ser ikun bena t-tieni skola sekondarja ġdida f’temp ta’ anqas minn sentejn. Disa’ xhur ilu, fit-13 ta’ Ġunju tas-sena l-oħra, qiegħdna l-ewwel ġebla ta’ din l-iskola sekondarja ġdida f’Ħal Qormi. Fi ftit xhur l-iskola nbniet u bħalissa x-xogħol miexi b’rittmu tant mgħaġġel li f’Settembru li ġej, din l-iskola ser tiftaħ il-bibien tagħha għall-istudenti.”  Dan qalu l-Prim Ministru Lawrence Gonzi meta dalgħodu żar il-bini ta’ l-iskola l-ġdida akkumpanjat mill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea.  “Dan hu eżempju tajjeb ta’ kif il-Gvern qed iwettaq dak li jwiegħed fi żmien qasir u b’kwalità għolja.  Qatt daqs illum ma kien hawn investiment fl-edukazzjoni u qatt daqs illum ma kellna investiment f’titjib ta’ skejjel u bini ta’ skejjel ġodda.” tenna Lawrence Gonzi.  Il-Prim Ministru fakkar li bħalissa l-Gvern qed jaħdem fuq il-bini ta’ ħames skejjel ġodda – dawk ta’ Ħal-Qormi u ta’ Bormla li diġa’ bdew u dawk ta’ Għawdex, Mosta u Pembroke li mistennija jibdew fiż-żmien li ġej.

L-iskola l-ġdida se tfisser investiment ta’ madwar Lm 3m (€ 6.99 m) u se jkollha l-istess standards tal-Kulleġġ San Benedittu sekondarja subien li nbniet f’Ħal Kirkop.  Din l-iskola hi mibnija fuq erba’ sulari fuq medda ta’ art ta’ iżjed minn 20,000 m2 li aktar minn nofshom (12,000 m2) huma għar-rikreazzjoni tat-tfal. L-iskola se jkollha 132 kamra ta’ daqs kbir u arjuzi li jinkludu; 45 klassi, 18 resource room, 17 laboratorji tax-xjenza u tat-teknoloġija, 5 laboratorji tal-komputer, 3 kmamar għal Guidance u Counselling, 3 kmamar għall-Arti, 3 għat-Technical Drawing,  Canteen, Librerija, changing rooms, 5 PSD rooms, 3 Staff Rooms, Drama Room u kamra multi-purpose, 8 kmamar għal-amminstrazzjoni, klinika u numru ta’ stores. L-iskola u s-servizz taghha huma kompletament aċċessibli anke permezz ta’ żewġ lifts li jservu s-sulari kollha.  

L-iskola se tkun waħda li filwaqt li tirrispetta l-ambjent hi magħmula b’mod li jiffranka l-ispejjeż fuq il-konsum tad-dawl u l-ilma.  Fil-fatt, is-soqfa ta’ l-iskola huma miksija b’polyurethane foam insulation li huma maħsuba biex inaqqsu l-kesha fix-xitwa u s-sħana fis-sajf.  Barra minnhekk il-ħġieġ fl-aperturi ta’ barra ser ikun double glazed u laminated għal raġunijiet ta’ saħħa u sigurta’.  Qed jinbnew ukoll żewġ ġibjuni li jesgħu volum ta’ mhux anqas minn miljun u mitejn elf litru (1,200,000) ilma biex dan jintuża mill-iskola.  L-iskola se jkollha sistemi ta’ Solar Water Heaters kif ukoll Solar Panels li jipproduċu l-elettriku għall-iskola li se tkun qed tuża wkoll l-aħħar teknoloġija fis-sistema ta’ l-elettriku, mgħarufa bħala T5 Technology, u energy saving lamps, l-iżjed biex ikun ikkunsmat l-inqas ammont possibbli ta’ enerġija.  L-iskola se jkollha wkoll Solar Lighting Units li permezz tagħhom id-dawl tax-xemx jiġi mmexi minn fuq il-bejt minn ġo tubi jleqqu ħafna lejn is-soqfa tal-kuriduri biex jiddawwlu mingħajr użu ta’ l-elettriku.  Hemm ukoll il hsieb li tigi nstallata Wind Turbine zghira li tiġġenera l-elettriku. 

Il-Prim Ministru qal li l-Gvern irid ikun ta’ eżempju u jkun minn ta’ quddiem biex juża sistemi ġodda li jiffrankaw l-użu ta’ l-elettriku u ta’ l-ilma li t-tnejn illum aktar minn qatt qabel għandhom valur kbir.  Dr Gonzi qal li l-edukazzjoni u l-ambjent huma prioritajiet ta’ dan il-Gvern u dak li qiegħed isir f’din l-iskola juri kif b’mod konkret nistgħu nagħmlu d-differenza u kif dan jista’, permezz ta’ l-edukazzjoni jwassal biex aktar familji Maltin jużaw sistemi ġodda li filwaqt li jgħinuhom inaqqsu mill-konsum u b’hekk mill-ispejjeż ikunu qed jagħmlu l-parti tagħhom għal ambjent aħjar.  

L-iskola se jkollha wkoll faċilitajiet rikreattivi mill-aqwa b’9-a-side synthetic turf football pitch u athletic track twila 200 metru b’6 lanes. L-iskola se jkollha wkoll teatru grieg u faċilitajiet oħrajn għall-isport. 

Il-Ministru Louis Galea qal li disa’ xhur biss wara li tpoġġiet l-ewwel ġebla f’din l-iskola, ix-xogħol ta’ kostruzzjoni wasal fl-aħħar fażijiet tiegħu kif ukoll inbdew l-istallazjoni ta’ sistemi mekkaniċi u elettriċi, u xogħlijiet ta’ finitura.  Hu qal li dan huwa wieħed biss minn tant proġetti li jsiru fil-ħin, skond il-budget u b’kwalità mill-ogħla. 

Waqt iz-zjara, il-Prim Ministru u l-Ministru ta’ l-Edukazzjoni ltaqgħu mal-Ko-ordinatur tal-Kulleġġ kif ukoll kapijiet ta’ skejjel fi ħdan il-kulleġġ, il-Kunsill ta’ l-istudenti, għalliema u ġenituri kif ukoll diversi ħaddiema li qed iwettqu x-xogħlijiet, ma periti u impjegati tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada.  

Il-Ministru Louis Galea qal li l-Kulleġġ jiġbor fih l-iskejjel primarji ta’ Ħal-Qormi, Ħal-Luqa, is-Siġġiewi u Ħaż-Żebbug u l-iskola Junior Lyceum Maria Reġina tal-Blata l-Bajda.  Ir-riforma diġa` bdiet billi l-Kulleġġ għandu l-Kordinatur tiegħu u l-Kapijiet ta’ l-iskejjel qed jaħdmu flimkien għall-edukazzjoni ta’ l-istudenti permezz tal-Kunsill tal-Kapijiet. Il-Ministru qal li issa qed isir xogħol biex jissaħħu l-elementi tar-riforma li trid twassal għal edukazzjoni ta’ kwalità ‘biex uliedna jirnexxu lkoll’.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow