Left arrow Mur Lura

INVESTIMENT QAWWI FL-ISKEJJEL TAL-MOSTA

PR0326
Date Icon 06/03/2007

“Bħal ma qed jagħmel f’diversi skejjel il-Gvern qed jinvesti b’mod qawwi fl-iskejjel tal-Mosta, kemm dawk primarji kif ukoll fl-iskola sekondarja ‘Lily of the Valley’.  Fi żmien qasir il-Gvern ser jibda l-bini ta’ skola sekondarja ġdida fl-inħawi magħrufa bħala taż-Żokrija fejn se tinbena skola moderna b’disinn mill-isbaħ.  B’hekk l-istudenti tal-Mosta jkollhom skejjel mill-aqwa b’ambjenti li verament iħeġġu t-tagħlim u l-komunità tal-Mosta jkollha spazji u riżorsi li jistgħu jintużaw wara l-ħin ta’ l-iskola.”  Dan qalu l-Ministru Louis Galea meta żar l-iskola ‘Lily of the Valley’ fejn għadu kemm tlesta ground multi-purpose bit-turf artifiċjali u bil-faċilitajiet anċillari inkluż floodlights u fencing, li sar bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill tal-Mosta, l-MFA u l-FTS. 

Il-Kunsill tal-Mosta kien applika ma’ l-MFA biex jingħata wieħed mill-35 pitch li ngħataw mill-UEFA fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-UEFA.  Il-Kunsill iddeċieda li jekk jiġi nstallat fl-iskola ‘Lily of the Valley’ il-pitch ikun f’post ċentrali fejn ikun aċċessibbli għall-Mostin kollha.  Wara li sar ftehim bejn il-Kunsill u l-iskola beda x-xogħol biex minbarra li jitpoġġa l-mini-pitch, ikun hemm fencing u aċċess separat biex il-pitch ikun jista’ jintuża indipendentement mill-iskola u sar il-floodlighting meħtieġ. Dan il-mini-pitch jista’ jintuża għall-football, volleyball, netball u basketball peress li hu mimli bir-ramel. 

Il-Ministru Galea faħħar il-Kunsill għall-inizjattiva tagħhom u qal li l-Gvern qed jaħdem biex l-iskejjel ta’ l-Stat isiru dejjem aktar ċentri ta’ tagħlim u attività kulturali u sportiva fil-komunitajiet tagħna. 

Louis Galea qal li minbarra l-faċilitajiet li issa hemm fl-iskola ‘Lily of the Valley’ fi żmien qasir il-Mostin se jkollhom ukoll skola sekondarja ġdida, li bħal ma sar fl-iskejjel il-ġodda li qed jinbnew, se jkollha faċilitajiet sportivi mill-aqwa li jistgħu jintużaw kemm mill-iskola kif ukoll mill-komunità wara l-ħin ta’ l-iskola u fil-vakanzi.  Louis Galea fakkar li dan l-aħħar il-Kunsill Malti għall-Isport nieda programm ta’ sport fil-komunità fejn il-faċilitajiet sportivi f’erba’ skejjel qed jintużaw biex fihom il-KMS iwettaq programmi sportivi għall-komunità.  Il-Ministru Galea qal li kull inizjattiva trid tkun strutturata b’mod li kulħadd ikun jista’ jgawdihom u li jkunu pprattikati dixxiplini sportivi differenti. 

Il-Ministru Galea rringrazzja lis-Sindku tal-Mosta s-Sur Joseph DeMartino għall-impenn li wera biex inkiseb il-ground għall-użu ta’ l-iskola u tal-Mostin u lill-President u l-Kunsill ta’ l-MFA.  Hu qal li l-Gvern hu impenjat li jkompli jtejjeb l-ambjenti ta’ l-iskejjel fil-Mosta fejn b’kollox diġa’ sar investiment ta’ kwart ta’ miljun lira Maltin (€ 582,343) minbarra investiment ta’ madwar Lm 3m (€ 6.99 m) li mistenni jsir fl-iskola l-ġdida.  Hu qal li fl-iskola ‘Lily of the Valley’ sar xogħol estensiv li jinkludi l-bdil ta’ l-aperturi kollha ta’ l-iskola, il-bdil tas-saqaf tas-sala ta’ l-iskola, xogħlijiet biex jitjiebu l-faċilitajiet sanitarji u xogħlijiet oħra ta’ tisbieħ.   

Dwar l-iskola sekondarja l-ġdida, il-Ministru Galea qal li issa li ġew riżolti il-kontestazzjonijiet li saru quddiem il-Kumitat tal-Kuntratti mistennija issir l-aġġudikazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin biex kemm jista jkun malajr jibda x-xogħol fuq din l-iskola wkoll.   

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow