INVESTIMENT QAWWI FL-ISKEJJEL TAL-MOSTA
“Bħal ma qed jagħmel f’diversi skejjel il-Gvern qed jinvesti b’mod qawwi fl-iskejjel tal-Mosta, kemm dawk primarji kif ukoll fl-iskola sekondarja ‘Lily of the Valley’. Fi żmien qasir il-Gvern ser jibda l-bini ta’ skola sekondarja ġdida fl-inħawi magħrufa bħala taż-Żokrija fejn se tinbena skola moderna b’disinn mill-isbaħ. B’hekk l-istudenti tal-Mosta jkollhom skejjel mill-aqwa b’ambjenti li verament iħeġġu t-tagħlim u l-komunità tal-Mosta jkollha spazji u riżorsi li jistgħu jintużaw wara l-ħin ta’ l-iskola.” Dan qalu l-Ministru Louis Galea meta żar l-iskola ‘Lily of the Valley’ fejn għadu kemm tlesta ground multi-purpose bit-turf artifiċjali u bil-faċilitajiet anċillari inkluż floodlights u fencing, li sar bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill tal-Mosta, l-MFA u l-FTS.
Il-Kunsill tal-Mosta kien applika ma’ l-MFA biex jingħata wieħed mill-35 pitch li ngħataw mill-UEFA fl-okkażjoni tal-50 anniversarju mit-twaqqif tal-UEFA. Il-Kunsill iddeċieda li jekk jiġi nstallat fl-iskola ‘Lily of the Valley’ il-pitch ikun f’post ċentrali fejn ikun aċċessibbli għall-Mostin kollha. Wara li sar ftehim bejn il-Kunsill u l-iskola beda x-xogħol biex minbarra li jitpoġġa l-mini-pitch, ikun hemm fencing u aċċess separat biex il-pitch ikun jista’ jintuża indipendentement mill-iskola u sar il-floodlighting meħtieġ. Dan il-mini-pitch jista’ jintuża għall-football, volleyball, netball u basketball peress li hu mimli bir-ramel.
Il-Ministru Galea faħħar il-Kunsill għall-inizjattiva tagħhom u qal li l-Gvern qed jaħdem biex l-iskejjel ta’ l-Stat isiru dejjem aktar ċentri ta’ tagħlim u attività kulturali u sportiva fil-komunitajiet tagħna.
Louis Galea qal li minbarra l-faċilitajiet li issa hemm fl-iskola ‘Lily of the Valley’ fi żmien qasir il-Mostin se jkollhom ukoll skola sekondarja ġdida, li bħal ma sar fl-iskejjel il-ġodda li qed jinbnew, se jkollha faċilitajiet sportivi mill-aqwa li jistgħu jintużaw kemm mill-iskola kif ukoll mill-komunità wara l-ħin ta’ l-iskola u fil-vakanzi. Louis Galea fakkar li dan l-aħħar il-Kunsill Malti għall-Isport nieda programm ta’ sport fil-komunità fejn il-faċilitajiet sportivi f’erba’ skejjel qed jintużaw biex fihom il-KMS iwettaq programmi sportivi għall-komunità. Il-Ministru Galea qal li kull inizjattiva trid tkun strutturata b’mod li kulħadd ikun jista’ jgawdihom u li jkunu pprattikati dixxiplini sportivi differenti.
Il-Ministru Galea rringrazzja lis-Sindku tal-Mosta s-Sur Joseph DeMartino għall-impenn li wera biex inkiseb il-ground għall-użu ta’ l-iskola u tal-Mostin u lill-President u l-Kunsill ta’ l-MFA. Hu qal li l-Gvern hu impenjat li jkompli jtejjeb l-ambjenti ta’ l-iskejjel fil-Mosta fejn b’kollox diġa’ sar investiment ta’ kwart ta’ miljun lira Maltin (€ 582,343) minbarra investiment ta’ madwar Lm 3m (€ 6.99 m) li mistenni jsir fl-iskola l-ġdida. Hu qal li fl-iskola ‘Lily of the Valley’ sar xogħol estensiv li jinkludi l-bdil ta’ l-aperturi kollha ta’ l-iskola, il-bdil tas-saqaf tas-sala ta’ l-iskola, xogħlijiet biex jitjiebu l-faċilitajiet sanitarji u xogħlijiet oħra ta’ tisbieħ.
Dwar l-iskola sekondarja l-ġdida, il-Ministru Galea qal li issa li ġew riżolti il-kontestazzjonijiet li saru quddiem il-Kumitat tal-Kuntratti mistennija issir l-aġġudikazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin biex kemm jista jkun malajr jibda x-xogħol fuq din l-iskola wkoll.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959