“Wara investiment ta’ madwar LM3,000,000 (€6,988,120) fl-infrastruttura ta’ żoni industrijali, issa qegħdin nagħtu importanza lill-aċċess għall-finanzi ta’ negozji żgħar.” – Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo
“Il-Gvern determinat li jgħin lin-negozji żgħar li jinsabu jaħdmu f’kull żona industrijali kif ukoll f’kull ċentru kummerċjali li għandna mxerrda madwar l-ibliet u l-irħula f’Malta u Għawdex. Il-Gvern, permezz tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed u sidien ta’ negozji żgħar, diġa` ppubblika direttorju dwar in-negozji li jinsabu fiż-żona industrijali tal-Mosta, illum qiegħed jippubblika direttorju dwar is-self employed u sidien ta’ negozji żgħar li jinsabu fiż-żona industrijali tal-Ħandaq. Fih innifsu dan l-eżerċizzju huwa riżultat ieħor tal-ħidma tal-Gvern li permezz tagħha l-Gvern qiegħed jagħmel forma ta’ marketing b’xejn għal dawn is-sidien.” Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, qal dan waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret fiż-żona industrijali tal-Ħandaq. Matul din l-attivita’, is-Segretarju Parlamentari żar żewġ fabbriki li huma stejjer ta’ suċċess fiż-żona.
Dan id-direttorju diġa` tqassam f’Ħal Qormi, il-Ħamrun, Ħaż-Żebbuġ u Santa Venera. L-ismijiet tas-sidien tan-negozji li jidhru fid-direttorju se jkunu qegħdin jidhru wkoll fuq il-web site www.smemalta.com. Din il-website ġiet imtella’ mis-Segretarjat Parlamentari sabiex tara li kull negozju li rreġistra l-preżenza tiegħu mas-Segretarjat, ikollu ismu jidher ukoll fuq sit elettroniku (website) li hi finalment maħsuba li jkollha l-ismijiet tan-negozji kollha ta’ min jaħdem fiż-żoni industrijali u fil-komunitajiet kummerċjali tagħna.
Din il-ħidma ta’ marketing għal dawn in-negozji żgħar bdiet oriġinalment bil-ħidma ta’ investiment ta’ tliet miljun Lira u nofs (madwar tmien miljun ewro) li wasslet sabiex illum dawn iż-żoni jkollhom l-infrastruttura meħtieġa. Wara dik il-ħidma, l-Gvern kompla jaħdem biex jara li dawn is-sidien isiru magħrufa u mfittxija mill-konsumaturi, kemm lokali kif ukoll barranin.
Żona b’135 negozju li jiġġeneraw madwar 400 impjieg
Huwa kkalkulat li f’din iż-żona industrijali hawn jaħdmu 135 negozju mferrxa f’madwar tnax-il triq. Dawn in-negozji jħaddmu madwar 400 ħaddiem.
40% ta’ dawn in-negozji żgħar jagħmlu użu mill-I.T fejn jew għandhom website tagħhom u/jew jużaw l-e-mail.
Il-135 negozju fil-Ħandaq huma maqsuma hekk:
· 28% mechanics, sprayers, inġiniera, u panel beaters
· 22% mastrudaxxi
· 11% ħaddieda u aluminju
· 39% negozju ieħor li jinkludu importaturi, printers, manifatturi ta’ l-ikel, burdnara u mħażen.
Is-Segretarju Parlamentari kompla jgħid li “issa li għandna żewġ direttorji ppubblikati, qegħdin nistiednu liż-żewġ banek, il-BOV u l-HSBC biex jersqu aktar lejn dawn is-sidien u jaraw kif jistgħu jifhmu aħjar il-ħtiġiet tagħhom. B’dan il-mod nibdew naraw kif nistgħu nissimplifikaw l-aċċess għall-finanzi.” Rappreżentanti tal-BOV u l-HSBC taw informazzjoni dwar skemi apposta għal negozji żgħar li jixtiequ finanzjament għan-negozju tagħhom.
Is-Segretarju Parlamentari spjega kif “fil-preżent qiegħda ssir ħidma biex tkompli tinġabar l-informazzjoni dwar is-sidien tan-negozji fiż-żoni industrijali ta’ l-Imrieħel, ta’ Ħal Luqa u ta’ Ta’ Dbieġi f’Għawdex kif ukoll għaż-żona industrijali ta’ Ħ’Attard.
“Din l-informazzjoni qiegħda tingħata biex il-Gvern juri li qiegħed iwettaq il-ħidma mfassla fuq pjan ta’ ħidma, maħsuba biex turi li dan il-pajjiż huwa pajjiż miftuħ għan-negozju. Il-Gvern irid li min qiegħed fin-negozju, kemm jekk f’żona industrijali jew f’ċentru kummerċjali, ikollu l-aħjar kummerċ possibbli.”
Investiment privat ta’ madwar Lm7,000,000 (€16,305,613)
Dawn iż-żoni industrijali fil-preżent qed jespandu, u hu mistenni li f’inqas minn sena hawn fil-Ħandaq ikun hawn numru sabiħ ta’ negozji ġodda li se jiftħu n-negozju tagħom. L-investiment privat li qiegħed isir f’din iż-żona industrijali huwa ta’ madwar Lm7,000,000 (€16,305,613).
Il-Gvern illum huwa sodisfatt li permezz tal-ħidma li wettaq u li se jkompli jwettaq, qiegħed:
A. Jattira aktar investiment privat lejn dawn iż-żoni industrijali u għalhekk ċertu negozji li kienu qegħdin joħolqu inkonvenjent lir-residenti qegħdin isibu aktar kumdita’ meta jaħdmu f’dawn iż-żoni industrijali;
B. In-negozji li qegħdin jiftħu f’dawn iż-żoni industrijali qegħdin jimpjegaw aktar ħaddiema, u għalhekk qegħdin jinħolqu aktar opportunitajiet ta’ impjiegi ġodda;
C. Il-konsumaturi qegħdin isibu żoni industrijali aktar organizzati minn fejn jistgħu jagħmlu l-aħjar għażla tagħhom; u
D. Il-ħaddiema u s-sidien li jaħdmu f’dawn iż-żoni, qegħdin ikollhom aktar kumdita’ u sigurta’ fuq il-post tax-xogħol tagħhom.
L-Onor. Vassallo spjega s-sodisfazzjon tiegħu għall-ħidma li qiegħda ssir f’din iż-żona u oħrajn bħala. Hu qal li “permezz tat-team tiegħi fi ħdan is-Segretarjat u bil-għajnuna ta’ ħafna sidien u l-ħaddiema tagħhom, grazzi għall-konsultazzjoni li żammejna matul l-aħħar snin, stajna nagħtu servizz li permezz tiegħu qiegħed jidher l-impenn tal-Gvern favur dawn is-sidien, il-ħaddiema ta’ issa u dawk li għad iridu jiġu u tal-konsumaturi li jiġu jinqdew minn dawn iż-żoni industrijali. Bil-pubblikazzjoni tad-direttorji, bil-website li qiegħda titħejja, u b’assistenza għal kwalita’ aħjar, il-konsumaturi qegħdin jinqdew aħjar.
“Jiena nista’ nwiegħed li l-impenn tal-Gvern mhux se jieqaf hawn, iżda rridu nkomplu naħdmu flimkien għaliex dan il-Gvern huwa Gvern responsabbli lejn sid in-negozju, il-ħaddiem u l-konsumatur, u għalhekk huwa Gvern li jemmen fin-negozju għaliex fl-ekonomija ta’ llum in-negozju, bil-kummerċ tiegħu, huwa l-enerġija li jagħti servizz lill-konsumatur u li joħloq l-impjiegi.”
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959