Left arrow Mur Lura

ĠURNATA TA’ FTUĦ GĦALL-PUBBLIKU FIL-KNISJA L-QADIMA FIS-SIĠĠIEWI

PR0321
Date Icon 05/03/2007

Opportunita` għas-Siġġiewin kollha biex jaraw ix-xogħol li qed isir u japprezzaw aktar mill-qrib dan il-wirt storiku li r-raħal tagħhom jottjeni.

It-Taqsima tar-Restawr fi ħdan il-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura bdiet xogħol ta’ konservazzjoni fuq is-sit tal-Knisja l-Qadima fis-Siġġiewi. Dan seta’ jsir wara ftehim mal-Kappillan tal-paroċċa li wera x-xewqa li dan is-sit jerġa’ jinfetaħ għall-pubbliku.  Ix-xogħol delikat fuq dan is-sit għaddej b’ritmu tajjeb u wara ftehim bejn l-Ministeru, l-Arċipriet, il-Kummissjoni Patrimonju Kulturali u l-Kunsill Lokali ġie deċiż li f’dan l-istadju ssir ġurnata ta’ ftuħ għall-pubbliku biex wieħed jista` jara mill-qrib l-istat ta’ dan is-sit storiku u l-bidla li qed issir permezz tal-konservazzjoni u r-restawr minn ħaddiema fi ħdan l-istess Taqsima. 

Il-Knisja Parrokjali l-qadima tas-Siġġiewi ddedikata lil San Nikola ta’ Bari, kienet inbniet ftit wara li r-raħal tas-Siġġiewi sar parroċċa fl-1436.  Meta Monsinjur Duzina żar din il-knisja fis-sena 1575 sab li kienet mibnija ħdejn kapella żgħira ddedikata lill-Viżitazzjoni tal-Madonna.  Huwa jgħid li dawn iż-żewġ knejjes kienu jmissu ma’ xulxin.  Monsinjur Duzina jgħid li l-Knisja tal-Viżitazzjoni tal-Madonna kienet mgħammra tajjeb ħafna u kellha bieb ta’ l-injam. Fl-1575, il-knisja ta San Nikola, barra l-artal maġġur, kellha wkoll żewġ artali oħra laterali, wieħed f’kull kappellun u kellha sagristija,  imma minħabba li l-poplu tas-Siġġiewi kien qiegħed dejjem jikber inħasset il-ħtieġa li dawn iż-żewġ knejjes isiru knisja waħda akbar.  Il-pjanta tal-knisja parrokkjali issa saret forma ta’ salib, kif fil-fatt hu l-mod ta’ kif kienu jinbnew il-maġġoranza tal-knejjes Kattoliċi f’dak iż-żmien.  Illum din il-Knisja għad fadal biss ftit fdalijiet minnha għax kienet iġġarrfet fis-seklu sbatax.  Dawn  jinstabu mat-Triq il-Knisja l-Qadima wara ħajt li fih tinstab niċċa tal-Madonna bill-Bambin.   

Waqt id-diskors tiegħu l-Ministru Ninu Zammit qal li s-sit kien kompletament abbandunat, u saħansitra għal ħafna snin kien qed jintuża għal skopijiet agrikoli. Il-proġett jikkonsisti f’tindif mill-veġetazzjoni, u tneħħija ta’ ħamrija li tul is-snin inġemgħet tant li partijiet kbar tal-fdalijiet tal-Knisja l-qadima kienu kompletament mirduma. Dan ser iwassal biex jerġa` jinkixef il-livell oriġinali tal-Knisja, biex sussegwentament jinbeda x-xogħol ta’ konservazzjoni fuq il-fdalijiet infushom.  Minħabba n-natura tax-xogħol, iċ-ċirkostanzi tas-sit,  u s-sensittivita`, ħafna mix-xogħol qed isir bl-idejn. 

Meta jitlesta l-proġett, is-sit ser ikun aċċessibli għall-pubbliku bħala attrazjoni tal-fdalijiet u se jkun hemm information panels li jispjegaw l-istorja tal-Knisja, kif ukoll wirja permanenti ta’ oġġetti skulturati li jinstabu fis-sit. Fi kliem ieħor dan il-proġett se jkun wieħed li jixbaħ ħafna lill-proġett li sar fl-akwati tal-Mitħna tax-Xarolla fiż-Zurrieq, fejn hawnhekk wara x-xogħol kollu li sar illum għandna sit arkaeloġiku żgħir li jikkompriżi f’mitħna storika, oqbra puniċi u kapella. 

Il-Ministru rrefera ukoll għall-Kappella ta’ Ċwerra. Din ukoll tinsab fis-Siġġiewi, u hija ħolqa minn katina ta’ xogħlijiet ta’ Restawr li saru madwar Malta f’dawn l-aħħar tlett snin. Ix-xogħol fuq din il-kappella sar fl-2005 u illum wieħed jista’ jara u japprezza ix-xogħol delikat li sar, aktar u aktar meta wieħed jiftakar fl-istat ħazin li kienet din il-kappella.  Ix-xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni li qed saru u qed isiru qed iwasslu sabiex il-valur arkitettoniku tal-binjiet storiċi ta’ pajjiżna jkunu jistgħu jiġu ammirati u apprezzati mill-pubbliku inġenerali u mit-turisti li jżuruna, temm jgħid il-Ministru Ninu Zammit.  

Waqt diskors qasir l-Arċipriet Dun Albert Buhagiar faħħar l-ħidma ta’ konservazzjoni u restawr li qed issir favur il-wirt storiku u kulturali ta’ pajjiżna b’mod partikolari fis-Siġġiewi.  Hu rringrazzja lill-Ministeru ta’ l-inizjattiva li qed jieħu sabiex sit storiku bħal dan jingħata l-attenzjoni li tixraqlu.  Huwa fakkar li dan is-sit kien ilu magħluq għal snin twal tant li l-poplu tas-Siġġiewi ftit li xejn jafu bih u saħansitra qatt ma daħlu f’dan il-post.  L-Arċipriet temm jgħid li din il-ġurnata ta’ ftuħ għall-pubbliku, hija opportunita’ għas-Siġġiewin kollha sabiex jaraw ix-xogħol li qed isir u japprezzaw aktar mill-qrib dan il-wirt storiku li r-raħal tagħhom jottjeni.
Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow