Left arrow Go Back

WIRJA TA’ SULDATI TAT-TERRACOTTA MIĊ-ĊINA FIL-MUŻEW TA’ L-ARKEOLOĠIJA

PR0316
Date Icon 03/03/2007

“Fost l-għeġubijiet li wettaq il-bniedem tul iż-żminijiet, l-armata ta’ suldati tat-terracotta – bil-karrijiet u ż-żwiemel li nħadmu fuq ordni ta’ l-Imperatur Qin biex takkumpanjah wara mewtu – hi waħda mill-akbar.” 

Dan stqarru l-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech li tkellem qabel ma l-Prim Ministru Lawrence Gonzi nawgura l-wirja intitolata “Silent Warriors – The Chinese Terracotta Soldiers” fil-Grand Salon tal-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkeoloġija fil-belt Valletta. Qabel l-inawgurazzjoni ta’ din il-wirja tkellem ukoll l-Ambaxxatur taċ-Ċina, l-ET Zhengxiu Liu. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li kulmin żar l-iskavi li għadhom għaddejjin qrib Xi’an, fil-provinċja ta’ Shaanxi, baqa’ impressjonat mill-kobor ta’ din l-armata tat-terracotta li l-Imperatur Qin ordna li tinħadem biex takkompanjah wara mewtu. Il-Ministru Zammit Dimech qal li din l-armata hu maħsub li tinkludi madwar 7,000 suldat, 130 karru u 110 żwiemel tal-kavallerija.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kobor ta’ din l-opra jidher aktar fid-deher meta wieħed jiftakar li biex inħadmet din l-armata tat-terracotta madwar 700,000 ħaddiem u nies tas-sengħa ħadu 38 sena biex lestewha ħalli tkun lesta biex jindifen l-Imperatur Qin 210 sena Qabel Kristu. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li parti minn din l-armata nġiebet Malta minn Heritage Malta biex tintwera fil-Mużew ta’ l-Arkeoloġija. Hu qal li dan il-fatt waħdu juri l-istat eċċellenti fir-relazzjonijiet bejn Malta u ċ-Ċina.  

Il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-Gvern taċ-Ċina talli aċċetta li din l-esebizzjoni ssir f’Malta wara li hu kien għamel talba f’dan is-sens waqt żjara ministerjali li kien għamel fiċ-Ċina fil-bidu tal-2005. “Dak inhar għamilt żewġ talbiet: li ssir din l-esebizzjoni u li naraw l-Opera Ċiniża kif tittella’ Beijing. Grazzi talli lqajtu ż-żewġ talbiet tiegħi,” qal il-Ministru Zammit Dimech lill-Ambaxxatur Ċiniż l-ET Zhengxiu Liu.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura żied li għalkemm pajjiż kbir ħafna, iċ-Ċina ma tagħmilx distinzjoni fir-relazzjonijiet tagħha ma’ pajjiżi oħra, hu x’inhu l-kobor taghħom u s-saħħa politika u ekonomika tagħhom. Hu qal li dan deher ċar tul is-snin kollha li pajjiżna kellu releazzjonijiet ma’ dan il-pajjiż ġgant, bl-akbar popolazzjoni tad-dinja. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-kollezzjoni tas-suldati tat-terracotta u l-iskavi li qed jissuktaw biex tkompli tinkixef din ‘l-armata’ huma attrazzjoni turistika mill-aqwa, attrazzjoni li bidlet lil Xi’an f’ċentru turistiku ewlieni. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li hawnhekk ukoll kien jara tixbiħ bejn iż-żewġ pajjiżi. “Malta wkoll għandha l-monumenti uniċi tagħha li jitfgħu dawl fuq l-istorja ta’ l-umanita’. F’Malta għandna t-tempji ta’ l-Imnajdra,  Ħaġar Qim u tal-Ġgantija li huma siti ta’ wirt dinji. Malta għandha l-istorja ta’ tant eluf ta’ snin kif espressa fl-iskavi li qed isiru f’Tas-Silġ. Malta għandha l-bliet imdawwra bis-swar li huma uniċi għal mod kif inbnew. Dawn ukoll huma attrazzjonijiet turistiċi li għandna nippromwovu b’kull mezz barra pajjiżna,” tenna l-Ministru Zammit Dimech. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lill-Ambaxxatur Ċiniż, l-ET Zhengxiu Liu u lill-Heritage Malta li bil-ħidma tagħhom nistgħu nammiraw xogħlijiet uniċi li nħadmu mill-bniedem aktar minn 2,200 sena ilu.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow