KUNDANNA GĦALL-AZZJONIJIET INDUSTRIJALI IRRESPONSABBLI U BLA BŻONN ORDNATI MILL-GENERAL WORKERS UNION
Il-Ministeru għas-Saħħa, Kura ta’ l-Anzjani u Servizzi fil-Komunita` jixtieq jikkundanna l-azzjonijiet industrijali irresponsabbli u bla bżonn li l-General Workers Union qed tordna lin-nursing aides impjegati mad-Diviżjoni tas-Saħħa.
Il-Ministeru jixtieq jinforma li l-General Workers Union qed issejjaħ dawn l-azzjonijiet minħabba deċiżjoni tad-Diviżjoni tas-Saħħa li n-nursing aides ikomplu jippanċjaw meta jidħlu u joħorġu mix-xogħol. Dan il-Ministeru jsostni li l-mod kif jiġi rekordjat il-ħin tad-dħul u l-ħruġ mix-xogħol huwa prerogattiva tal-management. Il-General Workers Union hija irresponsabbli lejn il-ħaddiema membri tagħha li qed iġġiegħlhom jieħdu azzjonijiet industrijali dwar xi ħaġa li hija responsabbilta` biss tal-management. Il-Union qed tonqos ukoll lill-pazjenti Maltin u Għawdxin meta iċċaħħadhom mis-servizzi li għandhom bżonn minħabba li l-management qed jistenna li n-nursing aides jippanċjaw meta jidħlu xogħol.
Il-fatti huma li d-Diviżjoni tas-Saħħa kienet avżat lid-diversi sptarijiet li mill-1 ta’ Marzu, in-nursing aides jibdew jiffirmaw flok ikomplu jippanċjaw biex jirreġistraw l-attendenza għax-xogħol. Fit-28 ta’ Frar seħħew żviluppi dwar l-implimentar tal-klawsola 8.4 tal-ftehim kollettiv għall-ħaddiema tal-Gvern, liema klawsola tipprovdi għad-dħul ta’ sistemi mekkaniċi jew elettronici għar-reġistrazzjoni ta’ l-attendenza. Id-Diviżjoni ħasset li ma kienx il-waqt li jsiru tibdiliet fis-sistemi ta’ reġistrazzjoni preżenti. Għaldaqstant id-Diviżjoni informat lill-Isptarijiet u lill-GWU li minħabba dawn l-iżviluppi, il-bidla li kellha sseħħ fl-1 ta’ Marzu għan-nursing aides ma kinitx ser tidħol fis-seħħ.
Il-GWU minnufih tat struzzjonijiet lin-nursing aides li minflok ikomplu jippanċjaw għandhom jiffirmaw fuq il-punch card. Mhux minnu dak li qalet il-GWU li ma sarx kuntatt bejn il-union u d-Diviżjoni. Fil-fatt id-Direttur Ġenerali tas-Saħħa ltaqa’ mar-rappreżentant tal-GWU u dan qallu li jekk id-Diviżjoni mhux ser tħalli lin-nursing aides jiffirmaw (minflok ikomplu jippanċjaw), kienu ser joħorgu direttivi b’effett minn nhar it-Tnejn 5 ta’ Marzu. Fil-fatt, id-direttivi daħlu fis-seħħ mil-lum.
Minkejja kull attentat li sar min-naħa tal-Gvern il-bieraħ fil-għaxija u laqgħa twila oħra li saret illum wara nofs inhar, baqa’ ma ntlaħaqx ftehim u n-naħa tal-Gvern giet avżata b’direttivi li l-union ser tagħti. Dawn huma li n-nursing aides jiffirmaw fuq il-punch card (minflok ikomplu jippanċjaw), ma jagħmlux ħasil ta’ pazjenti u ma jagħmlux qadi barra mis-swali.
Id-Diviżjoni tas-Saħħa għadha tinsisti li dawn il-ħaddiema għandhom ikomplu jippanċjaw u li l-metodu ta’ reġistrazzjoni ta’ l-attendenza għax-xogħol huwa prerogattiva tal-management.
Id-Diviżjoni tiddeplora l-fatt li l-GWU waslet biex tieħu azzjonijiet industrijali li jweġġgħu lill-pazjenti, speċjalment lill-anzjani, fuq din il-kwistjoni, aktar u aktar meta l-General Workers Union ma ġabet ebda raġuni valida l-għala wieħed m’għandux ikompli jippanċja għax-xogħol.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959