Left arrow Mur Lura

L-INĊIDENT FIL-KAPPELLA TAL-MADONNA TAL-GRAZZJA

PR0312
Date Icon 02/03/2007

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jirreferi għall-istqarrija maħruġa mill-Alternattiva Demokratika fejn tirreferi għall-inċident sfortunat li seħħ il-bieraħ fil-kappella tal-Madonna tal-Grazzja f’Tas-Sliema.  Il-Ministeru jrid qabel xejn jirrimarka li ma kellu ebda ħsieb li jikkumenta dwar dan l-inċident minħabba li bħalissa għaddejja inkjesta maġisterjali.

Pero, sfortunatament, il-Ministeru jinnota l-kummenti ta’ l-Alternattiva Demokratika dwar il-każ li jinħtieġ li jkunu kkoreġuti.  Mill-informazzjoni li għandu l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent mingħand nies tekniċi mill-awtoritajiet kompetenti, jidher li l-inċident ma kienx ikkawżat mill-bini li għaddej fis-sit biswit il-kappella.  L-inċident sfortunat seħħ waqt xogħol fuq trinka f’nofs it-triq ta’ quddiem il-kappella.  Dan hu kkonfermat ukoll mir-rapporti kollha li dehru fil-mezzi kollha tax-xandir.

L-inċident seta’ seħħ faċilment bi kwalunkwe xogħol ta’ tħaffir ta’ trinka u żgur li huwa inġust li wieħed jattribwixxi l-inċident għall-iskavar fis-sit ta’ biswit il-lukanda, u wisq anqas ma jista’ jkun attribwit għall-fatt li l-Pjan Lokali dam biex jiġi konkluż.  L-iskavar ta’ sulari sħaħ ilu għaddej is-snin u sal-bieraħ ma kien seħħ ebda inċident.

Il-Ministeru jfakkar li l-allegazzjoni ta’ l-Alternattiva ma kienet ripetuta minn ħadd aktar u dan ikompli jikkonferma kemm l-Alternattiva għaġġlet fil-kummenti tagħha mingħajr ma vverifikat il-fatti.   Anke kieku kien daħal fis-seħħ il-Pjan Lokali, li tirreferi għalih l-Alternattiva, xejn ma seta’ jżomm li inċident sfortunat bħal dak tal-bieraħ iseħħ xorta waħda.  Hija tal-mistħija li anke każ ta’ inċident bħal dan spiċċa jkun użat bħala ballun politiku mill-Alternattiva Demokratika bl-iskop li tipprova tikseb xi vantaġġ politiku rħis.

Mill-banda l-oħra, il-Ministeru japprezza s-sens ta’ kollaborazzjoni li kien hemm wara l-inċident li għandu jawgura tajjeb biex il-kappella jsirulha t-tiswijiet meħtieġa biex tkun tista’ terġa’ tibda titgawda minn kulħadd mill-aktar fis.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow