KAMPANJA EDUKATTIVA DWAR L-UŻU AĦJAR TAR-RIŻORSI TA’ L-ENERGIJA "MA TRIDX WISQ"
Il-bidla fil-klima, iż-żieda fl-emissjonijiet u l-użu aħjar tar-riżorsi ta’ l-enerġija huma fatturi li llum aktar minn qatt qabel kulħadd hu konxju minnhom. Fil-preżent il-politika kemm tal-Gvern, kif ukoll ta’ l-Unjoni Ewropea hi ffukata bil-għan li dawn il-fatturi jiġu indirizzati.
Fiċ-ċirkostanzi ta’ pajjiżna l-konsum ta’ l-enerġija qiegħed kull sena jiżdied u għaldaqstant, kemm il-Gvern kif ukoll iċ-ċittadini huma obbligati li jżidu l-effiċjenza fl-użu aktar għaqli ta’ l-enerġija. Dan qalu l-Ministru Ninu Zammit meta kien qed iħabbar il-bidu tal-kampanja edukattiva mnedija mill-Awtorita` tar-Riżorsi, immirata favur il-konservazzjoni u l-effiċjenza fil-konsum ta’ l-energija.
Wara sejħa għall-offerti mid-Dipartiment tal-Kuntratti ġew aġġudikati l-offerti kollha u l-kumpanija Where’s Everybody ġiet magħżula sabiex timplimenta din il-kampanja ta’ edukazzjoni. Il-kampanja ser tkun indirizzata lejn il-konsum ta’ l-elettriku domestiku, tagħlim lill-istudenti fl-iskejjel, filmati u rapporti fil-media u eżempji konkreti b’riżultati ta’ kif jista` b’mod sempliċi jonqos il-konsum ta’ l-elettriku.
Waqt li kien qed jindirizza l-konferenza stampa, il-Ministru Ninu Zammit spjega li f’pajjiżna l-elettriku qed jiġi ġġenerat kollu permezz ta’ apparat li jaħdem biż-żejt, liema prodott hu kollu impurtat. Il-Gvern minn naħa tiegħu sa mill-2005 nieda diversi skemi b’mod li filwaqt li jiġu introdotti sistemi alternattivi tal-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, fl-istess ħin titnaqqas id-domanda għall-elettriku fuq skala nazzjonali. Fost dawn il-miżuri li daħlu fis-seħħ, insibu sussidju fuq:
· l-installazzjoni ta’ solar water heaters - 25% tal-ħlas fuq l-apparat sa massimu ta’ Lm100 (€ 232.94).
· sussidju fuq xiri ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku – 15.75% fuq in-nefqa tal-vettura sa massimu ta’ Lm500 (€ 1,164.69).
· sussidju ta’ 25% sa massimu ta’ Lm100 (€ 232.94) fuq installazzjoni ta’ thermal insulation fis-soqfa.
· sussidju ta’ 20% sa massimu ta’ Lm500 (€1,164.69) fuq xiri u installazzjoni ta’ sistemi photovoltaic.
· sussidju ta’ 20% sa massimu ta’ Lm100 (€232.94) fuq xiri u installazzjoni ta’ turbini li jaħdmu bir-riħ.
· sussidju ta’ 20% sa massimu ta’ Lm50 (€116.47) fuq xiri ta’ ċertu appliances li jkunu kklassifikati bħala energy efficient.
Rigward l-aħħar skema mħabbra fil-budget 2006 jiġifieri dik tas-sussidju fuq xiri ta’ l-appliances, il-Ministru ħabbar li minn meta ġiet imnedija din l-iskema sa llum diġa’ ġew sottomessi madwar 2,000 applikazzjoni lill-Awtorita`.
Dan kollu flimkien ma’ miżuri oħra huma intiżi sabiex pajjiżna possibilment jilħaq il-mira ta’ wieħed fil-mija (1%) fis-sena fuq perjodu ta’ disa` snin fit-tnaqqis tal-konsum ta’ l-enerġija kollha ta’ pajjiżna. Il-Ministru spjega li fil-bidu ta’ din is-sena ġie ppubblikat Avviż Legali li jirregola l-industrija tal-bini f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-użu ta’ l-enerġija. L-elementi li daħlu f’dan l-Avviż Legali jkopru l-bini ta’ ħitan esposti għall-elementi naturali, it-tfassil ta’ l-aperturi u s-soqfa. Dawn l-elementi kollha jistgħu jsarrfu f’inqas konsum ta’ enerġija, u f’abitat aktar komdu kemm fl-istagun tax-xitwa kif ukoll f’dak sajfi.
Il-Ministru temm jgħid li l-qafas tal-kampanja ser ikun f’forma ta’ kampanja ta’ edukazzjoni fejn il-konsumatur ser ikun mgħallem kif b’mod sempliċi u mingħajr ma jonqos jew jiġi minsus il-mod ta’ kif jgħix, inaqqas il-konsum ta’ l-elettriku, inaqqas l-ispiża relatata ta’ l-istess konsum, tonqos il-ġenerazzjoni ta’ l-elettriku, tonqos l-importazzjoni tal-fuel u allura jonqsu l-emmissjonijiet biex ilkoll bħala poplu jkollna ambjent aktar nadif.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959