Left arrow Mur Lura

IPPUBBLIKATI L-EMENDI GĦAR-REGOLAMENTI TAL-KAĊĊA U L-INSIB

PR0309
Date Icon 02/03/2007

L-emendi għar-regolamenti eżistenti tal-kaċċa u l-insib (Avviż Legali 79 ta’ l-2006) kienu ppubblikati fil-ħarġa ta’ llum tal-Gazzetta tal-Gvern permezz ta’ Avviż Legali 39 ta’ l-2007. 

Kif tħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa, dawn l-emendi ġew maqbula mill-Kabinett u huma riżultat ta’ numru ta’ laqgħat tekniċi bejn uffiċjali tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, il-Birdlife u l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK).  Dawn l-emendi għandhom l-għan ewlieni li jżidu d-deterrent fuq il-kaċċa abbużiva, jdaħħlu proviżjonijiet ġodda ta’ siti projbiti u li jiċċaraw ukoll xi anomaliji li kien hemm fir-regolamenti eżistenti. 

Iż-żieda fil-pieni, għalkemm ġiet proposta mill-Birdlife Malta, għandha ssib l-appoġġ ukoll tal-kaċċaturi serji.   Permezz ta’ l-emendi, il-Qorti qed tingħata d-dritt li: 

·           TIĠI REVOKATA B’MOD PERMANENTI L-LIĊENZJA TAL-KAĊĊA KIF UKOLL TIĠI REVOKATA B’MOD PERMANENTI L-LIĊENZJA TAL-ĠARR TA’ L-ARMA GĦAL MIN HU RIĊEDIV;

·           IL-PIENI FUQ OFFIŻI AGGRAVATI ĠEW IRDUPPJATI U ISSA SE JIBQGĦU TELGĦIN SA’ LM6,000 (€13,976.24);

·           SENTENZI TA’ PRIĠUNERIJA LI JITILGĦU SA’ SENTEJN; U

·           IL-QORTI TISTA’ TIKKONFISKA KEMM L-ARMA KIF UKOLL TIRREVOKA L-LIĊENZJA TAL-ĠARR TA’ L-ARMA;  

Emenda oħra importanti maqbula mill-Kabinett hija proposta oħra tal-Birdlife li fuqha wkoll qabel il-Ministeru u li permezz tagħha issa ma jistax isir ġarr u użu ta’ arma tan-nar f’area sa’ 50 metru bogħod minn bajjiet pubbliċi.  Din l-emenda tikkumplimenta r-regolamenti eżistenti li diġa’ kienu jipprojbixxu l-ġarr u l-użu ta’ l-arma f’ċirkostanzi oħrajn, fosthom f’dawk il-bajjiet li huma 50 metru ’l bogħod minn triq prinċipali (main road) jew 200 metru ’l bogħod minn żona urbana..  Peress li sa’ llum il-bajjiet mhumiex definiti fil-liġi Maltija, il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ħejja skeda li tiddefinixxi l-bajjiet li fihom se tidħol fis-seħħ din il-projbizzjoni. 

Dawn huma l-bajjiet ta’ Paradise Bay, il-bajja ta’ l-Armier, Anchor Bay, Golden Bay, Għajn Tuffieħa u l-Ġnejna. F’Għawdex il-bajjiet huma r-Ramla l-Ħamra, San Blas, ix-Xatt l-Aħmar, Imġarr ix-Xini u l-bajja tax-Xlendi. 

Il-Kabinett approva wkoll xi emendi wara proposti mressqa mill-FKNK foshom tibdil fid-daqs taċ-ċomb li hija intiża biex tikkoreġi anomalija li kien hemm fir-regolamenti eżistenti kif ukoll klassifikazzjoni aktar definita ta’ l-għasafar li jistgħu jkunu kkaċċjati fuq l-art u dawk li jistgħu jkunu kkaċċjati fuq il-baħar. 

Saret emenda ohra fejn il-perjodu ta’ żmien li jrid jgħaddi bejn ir-rakkomandazzjoni tal-ORNIS u l-ftuħ ta’ l-istaġun, se jinżel għal erba’ ġimgħat minn sitt għimgħat kif kien qabel.  Dan qed isir biex jippermetti lill-ORNIS diskussjoni aktar fil-fond qabel ma jinfetaħ l-istaġun innifsu.  Hemm ukoll xi emendi oħrajn sabiex  jiġu ċċarati l-istess regolamenti. 

L-iskop ta’ dawn l-emendi huma li filwaqt li jirrispetta l-mandat elettorali, il-Gvern irid jassigura li kulħadd jirrispetta l-liġi u kwalunkwe attivita’ ta’ kaċċa u nsib issir fil-parametri ta’ dak li tippermetti l-liġi.  Min mhux lest li jagħmel dan se jkollu prezz ferm aktar għoli xi jħallas. 

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow