Left arrow Mur Lura

KURA U RESTAWR TA’ L-ISPTAR U Ċ-ĊIMITERJU TAL-PESTA FIX-XAGĦRA, GĦAWDEX

PR0303
Date Icon 01/03/2007

L-iSptar u ċ-Ċimiterju tal-Pesta ta’ l-1814 fix-Xagħra, Għawdexhu kumpless storiku u arkitettoniku importanti li jinsab fuq il-limitu tal-għolja tax-Xagħra, iħares fuq il-wied ta’ Marsalforn. Dan huwa sit ta’ sbuħija naturali kbira u ta’ interess ekoloġiku. Iżda fuq kollox huwa monument storiku straordinarju. 

Dan il-kumpless kien intuża bħala sptar ta’ iżolament fil-pesta qerrieda ta’ l-1814. L-istruttura ta’ l-isptar għadha ppreservata, inkluż il-ħajt għoli ta’ madwaru li kien iservi ta’ barriera għall-isptar mill-bqija tal-madwar fiż-zmien il-pesta.  

Ftit ’il bogħod mill-isptar jinsab iċ-ċimiterju żgħir fejn hemm jinsabu midfuna l-fdalijiet tal-vittmi mix-Xagħra tal-pesta ta’ l-1814.  

Dan huwa każ uniku ta’ sptar rurali ta’ dak il-perijodu, u huwa dokument ewlieni fuq ġrajja u traġedja kbira li seħħet b’din l-epidemija tal-pesta bubonika ta’ l-1814. 

F’ Għawdex il-pesta ħakmet ir-raħal tax-Xagħra biss, għalkemm f’Malta din inxterdet kważi f’kull raħal, b’mod partikolari madwar il-Port il-Kbir. Apparti mill-eluf ta’ vittmi li ġarrbet din il-epidemija, il-pesta kienet wkoll kaġun tal-kollass ta’ l-ekonomija Maltija ta’ dak iż-żmien u li damet tinħass għal snin twal. 

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech qal li permezz ta’ Att ta’ Kurazija l-proprjetà immobbli kulturali tal-Gvern ta’ l-Isptar u ċ-Ċimiterju tal-Pesta ser jgħaddi f’idejn il-Kunsill Lokali tax-Xagħra sabiex din il-propjeta` tista` tigi preservata u titgawda mill-pubbliku.

Il-Ministru Zammit Dimech qal li aspett innovattiv u importanti ta’ dan l-Att ta’ Kurazija, huwa l-fatt li din hija l-ewwel darba li dan l-istrument legali qed ikun applikat ghall-benefiċċju ta’ Kunsill Lokali. Hu qal li mill-2003 ’l hawn, saru disa’ Atti ta’ Kurazija ma’ Organizazzjonijiet Non-Governattivi, iżda dan huwa l-ewwel każ ta’ Kurazija applikata għal Kunsill Lokali. 

Il-Ministru Zammit Dimech qal li r-rwol tal-Kunsilli Lokali fil-kura u l-immaniġġjar tal-patrimonju kulturali Malti huwa wieħed importanti. Hu tenna iżda li għad irid isir aktar xogħol sabiex il-potenzjal kbir rappreżentat mill-Kunsilli jiġi applikat favur il-wirt kulturali Malti.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-Att dwar il-Patrimonju Kulturali irrikonoxxa dan ir-rwol tal-Kunsilli Lokali bl-introduzzjoni ta’ żewġ miżuri legali ġodda  

o L-għarfien tal-Kunsilli Lokali bħala entitajiet li jistgħu jibbenefikaw mill-użu ta’ l-Att ta’ Kurazija; u

o Il-ħolqien ta’ lok biex il-Kunsilli Lokali jsiru parti importanti fil-proċessi ta’ konsultazzjoni kulturali, u principalment fi ħdan il-Forum Nazzjonali ghall-Patrimonju Kulturali, li jiġi organizzat mill-Ministru għat-Turiżmu u Kultura kull sena.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li dan ir-rwol tal-Kunsilli kien imsaħħaħ aktar bl-iStrategija Nazzjonali għall-Patrimonju Kulturali mnedija f’Diċembru ta’ l-2006. Hu qal li l-Istrategija tirrikonoxxi l-Kunsilli bħala ‘stakeholders’ importanti fis-settur tal-wirt kulturali, b’mod partikolari fil-qasam tal-pajsaġġi storiċi u fl-iżvilupp ta’ destinazjonijiet ġodda ta’ turiżmu kulturali ġewwa il-pajsaġġ lokali Malti. 

“Għal din ir-raġuni l-inizjattiva tal-Kunsill tax-Xagħra hija waħda ta’ importanza kbira, għax qed turi lill-pajjiż x’differenza pożittiva jistgħu jagħmlu il-Kunsilli Lokali fil-protezzjoni, kura u apprezzament tal-patrimonju Malti,” tenna l-Ministru Zammit Dimech li żied jirrimarka li  “l-intenzjoni tal-Kunsill u ta’ l-Att ta’ Kurazija hija li din il-proprjetà storika mhux biss nirrestawrawha u niftħuha għall-pubbliku, iżda wkoll li tintuża għal skopijiet kulturali u bħala attrazzjoni kulturali turistika.”  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li din it-tip ta’ inizjattiva hija importanti ħafna biex il-prodott turistiku kulturali Malti jiġi żviluppat fuq livelli  għoljin u li jirrispettaw il-valuri u t-tessut storiku ta’ dawn il-monumenti.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li huwa tassew att nobbli li l-Kunsill għażel li jerfa’ r-responsabbilta` tal-kura u r-restawr ta’ dan il-monument nazzjonali, iżda fuq kollox monument tan-nies u ta’ l-istorja tax-Xagħra.  

Il-Ministru Zammit Dimech qal li permezz ta’ din l-inizjattiva monument storiku minsi, abbandunat u mitluf qed jiġi rritornat lura lill-komunita` fejn jista’ jitgawda mill-ġdid, u fejn jista’ jagħti kontribut għall-ħajja kulturali u ekonomika tax-Xagħra.  

Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-pajjiż għandu bżonn jara aktar minn dawn l-inizjattivi ta’ dan il-kalibru u viżjoni, li jissarrfu fi prodott kulturali u turistiku mill-aqwa.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow