Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Dizabilità
Wara ħames snin ta’ diskussjonijiet intensivi, l-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda, fit-13 ta’ Diċembru 2006, addottat Konvenzjoni Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD) tqis li dan hu avveniment uniku u importanti biex il-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom ikollhom opportunitajiet indaqs u l-ogħla kwalità ta’ ħajja possibbli. Għalhekk hu importanti li dawk kollha li jaħdmu f’dan is-settur, speċjalment il-persuni b’diżabilità nfushom, ikunu infurmati tajjeb dwar din il-Konvenzjoni.
Għal dan il-għan, il-Kummissjoni organizzat laqgħa li fiha ngħata tagħrif dettaljat dwar x’tgħid din il-Konvenzjoni, il-ħtieġa tagħha, u l-passi li jmiss biex din tidħol fis-seħħ.
Preżenti għal-laqgħa, il-Ministru Cristina esprimiet is-sodisfazzjon tagħha li l-parti l-kbira ta’ dak imsemmi fil-Konvenzjoni diġà qed jiġi mwettaq f’Malta, jew diġà hemm il-pjan biex dan iseħħ. Semmiet bħala eżempju l-fatt li Malta kienet minn ta’ l-ewwel li kellha liġi progessiva ħafna f’dan il-qasam, l-Att I ta’ l-2000, il-Liġi Opportuntitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità). “Dan juri biċ-ċar kemm dan il-Gvern dejjem poġġa l-interessi w aspirazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità fuq quddiem nett tal-ħidma tiegħu. Il-fatt li l-maġġoranza ta’ l-artikli nklużi fil-Konvenzjoni jaffermaw ħafna mill-policies u prattiċi li qed isiru f’pajjiżna, huwa realtà li pajjiżna għandu jkun kburi bih,” qalet il-Ministru Cristina.
“Ma nistax ma nagħmilx referenza għat-twaqqif, proprju 20 sena ilu, tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità li permezz tagħha dan il-Gvern ta indikazzjoni ċara dwar l-impenn tiegħu f’dan il-qasam. Dan il-Gvern għaraf il-bżonn għal Kummissjoni li tista’ taħdem bil-qawwa għall-benefiċċju tal-persuni b’diżabilità, li żgur jagħrfu huma stess l-iżvilupp li seħħ tul dawn l-aħħar snin f’diversi oqsma ta’ interess għalihom,” kompliet il-Ministru.
“Biex insemmi żvilupp reċenti f’pajjiżna naraw li ċ-Ċentri ta’ matul il-jum għall-Persuni b’Diżabilità issa ġew taħt l-Aġenzija Sapport, aġenzija fi ħdan il-Fondazzjoni Għas-Servizzi fil-Ħarsien Soċjali li tħaddan bħala kunċett ta’ operat dak li n-nies b’diżabilità u l-familji tagħhom għandhom jingħataw sostenn fil-komunitajiet tagħhom stess. Din hija l-politika tal-Gvern u din hija politika li tagħraf id-dritt tal-persuna b’diżabilità li tibqa’ f’ambjent familjari għaliha, fejn hija tkun aktar predisposta tieħu sehem attiv fis-soċjetà.” Il-Ministru Cristina spjegat li l-Gvern laqa’ b’interess il-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda bħala strument ieħor importanti li jista’ jaħdem favur in-nies b’diżabilità.
Il-KNPD ħadet ħsieb li tagħmel traduzzjoni informali ta’ din il-Konvenzjoni. Kopja ta’ din il-konvenzjoni bil-Malti jew bl-Ingliż tista’ tinkiseb mill-uffiċini tal-Kummissjoni jew inkella minn fuq il-website tal-Kummissjoni: http://www.knpd.org
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959