FESTIVAL INNOVATTIV FIX-XENA KULTURALI U MUŻIKALI MALTIJA
Aktar tard din is-sena ser jittella’ l-‘Euromed Festival for Composers Malta 2007’ mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti, taħt l-awspiċji tal-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u bil-kollaborazzjoni ta’ l-Orkestra Nazzjonali u t-Teatru Manoel.
Il-Festival hu miftuħ għal kompożituri li twieldu wara t-30 ta’ Novembru, 1967 f’pajjiżi Ewropej u Mediterranji li huma sħab tad-Dikjarazzjoni ta’ Barċellona. Is-sottomissjonijiet jridu jaslu sat-28 ta’ Awwissu 2007 u r-rebbieħa ser jintgħażlu minn ġurija ta’ persuni ta’ kalibru internazzjonali li jispeċjalizzaw fil-kompożizzjoni tal-mużika.
Dan il-Festival qed jingħata l-appoġġ tal-‘Mackintosh Foundation’, l-Awtorità għat-Turiżmu ta’ Malta, Le Meridien Phoenicia, BPC, ‘Mediterranean Institute, University of Malta’, Koperattiva Kulturali Universitarja, Ambaxxata tal-Greċja u ‘Euro-Mediterranean Youth Platform’.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, li nieda dan il-Festival, qal li dan kien proġett kompletament innovattiv fix-xena kulturali u mużikali ta’ Malta.
“Malta, bil-qagħda strateġika tagħha f’nofs il-baħar Mediterran, għandha missjoni unika li sservi ta’ pont bejn l-pajjiżi ta’ l-Ewropa – l-aktar dawk ta’ l-Ewropa tan-Nofsinhar, u l-pajjiżi fit-tramuntana ta’ l-Afrika. Il-‘Euromed Festival for Composers’ jinkwadra fil-ħidma tagħna biex inressqu lejn xulxin il-pajjiżi ta’ madwarna u biex noħolqu sinerġija fl-oqsma tal-kultura u l-arti,” stqarr il-Ministru Zammit Dimech.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li dan il-Festival għandu jikkontribwixxi wkoll biex il-kompożituri lokali jitkejjlu ma’ kompożituri minn pajjiżi oħra Mediterranji u biex b’hekk ikomplu jkabbru l-ħiliet u t-talenti tagħhom.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li festivals bħal dawn jgħinu wkoll lis-settur turistiku għaliex ikompli jikkontribwixxu biex pajjiżna jkun destinazzjoni turistiku orjentata lejn attivitajiet artistiċi u kulturali.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura rringrazzja lill-organizatturi għal din l-inizjattiva, u qal li hu ċert li kien ser ikollha suċċess kif kellhom diversi attivitajiet oħra organizzati mill-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959