GREEN FLAG AWARD GĦALL-ISKOLA PRIMARJA TAŻ-ŻURRIEQ
L-iskola primarja taż-Żurrieq fi ħdan il-Kulleġġ San Benedettu ngħatat ir-rikonoxximent ambjentali magħruf bħala l-Green Flag. Il-Green Flag huwa l-ogħla rikonoxximent ambjentali li skola tista’ tilħaq jekk timplimenta s-seba’ elementi ta’ l-Ekoskola. Dawn huma:
· Li l-iskola jkollha Kumitat ta’ l-Ekoskola magħmul minn studenti, għalliema u ġenituri li huwa l-mutur li jmexxi l-programm fl-iskejjel. Dan il-kumitat hu elett demokratikament u jidderieġi l-inizjattivi ambjentali fl-iskola;
· Li jkun hemm Review Ambjentali fl-iskola, fejn jiġu identifikati x’azzjonijiet ikun hemm bżonn jew x’miżuri hemm bżonn jittieħdu (eż vit iqattar, wisq karti moħlija, eċċ);
· Li jkun hemm Pjan ta’ Azzjoni bbażat fuq l-istudju li jkun sar, fejn il-kumitat juri b’fatti x’ser isir. Dan jista’ jinkludi inizjattivi ta’ riċiklar, tibdil ta’ materjali użati fl-iskola biex ikunu iktar ambjentali eċċ.;
· Li jkun hemm Monitoraġġ u Evalwazzjoni fejn jistgħu jiġu identifikati inizjattivi li mhux qed jaħdmu sew u azzjonijiet differenti li jridu jittieħdu;
· Li jkun hemm Kurrikulu fejn studju ta’ temi bħall-ilma, l-enerġija u l-iskart isiru parti mix-xogħol tal-klassi u jsiru proġetti relatati ma’ dawn it-temi;
· Li jkun hemm Informazzjoni u Involviment fejn il-parteċipanti jiġu mħajjrin juru x-xogħol tagħhom lill-komunità tal-lokal u jkabbru l-awareness tat-temi ambjentali diskussi;
· U li jkun hemm Kodici Ambjentali b’miri li għalihom qed jaħdmu bħala skola.
Il-Green Flag Award ingħata waqt ċelebrazzjoni li saret fl-iskola u li għaliha attendew il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni Louis Galea u l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino. L-iskola tellgħet programm żgħir fejn fih it-tfal stess ippreżentaw dak li huma għamlu biex rebħu din il-bandiera prestiġġjuża. Kull tifel u tifla, 420 student, mill-eta’ ta’ 3 snin sal-kbar li għandhom 8 snin ippreżentaw ix-xogħol li sar minn kull membru ta’ l-istaff ta’ l-iskola, minn kull tifel u tifla u mill-ġenituri li tant ikkoperaw. Fl-iskola ‘A’ taż-Żurrieq, l-għalliema u t-tfal jirriċiklaw affarijiet waqt il-crafts, biex joħolqu xi ħaġa artistika minn affarijiet użati.
Il-Proġett EkoSkola beda fl-2002/03 bħala inizjattiva tal-Gvern li turi u tenfasizza t-twemmin ta’ l-istess Gvern li l-edukazzjoni huwa l-ewwel pass għal kuxjenza ambjentali akbar f’pajjiżna. Bi proġett pilota b’kollaborazzjoni bejn il-Ministeri ta’ l-Edukazzjoni u ta’ l-Ambjent u l-MEPA, idaħħal il-kunċett ta’ Ekoskola f’6 skejjel tal-Gvern, Privati kif ukoll skejjel tal-Knisja. Ir-riżultati li nkisbu u l-feedback li ngħata kienu tant tajbin li l-Gvern issieħeb man-Nature Trust u l-Foundation for Environment Education (FEE), organizzazzjoni internazzjonali ambjentali, biex il-programm EkoSkola seta’ jiġi estiż fuq skala nazzjonali. Illum 52 skola qed jipparteċipaw f’dan il-programm.
Il-Ministru Galea qal li l-Kulleġġ San Benedittu Primarja Żurrieq ‘A’ hi l-ewwel skola ta’ l-istat li rnexxielha tikseb il-Green Flag. Dan il-ġieħ ingħata bħala rikonoxximent tax-xogħol siewi u l-mod ta’ kif it-tfal ta’ l-iskola rawmu ġo fihom rispett lejn l-ambjent ta’ madwarhom. “Dan hu mod kif lill-istudenti nagħtuhom l-għodda biex jagħmlu l-affarijiet huma stess (pupil empowerment) u kif l-edukazzjoni issir b’mod hands-on u attiv, u dan jidher fil-mod kif it-tfal jitkellmu dwar argumenti ambjentali li juri li qed jifhmu l-kunċetti, ix-xjenza u l-isfidi li hemm wara l-ambjent, allavolja għadhom tant żgħar.” sostna Louis Galea.
Il-Ministru Pullicino qal li huwa importanti li nnisslu fit-tfal tagħna kuxxjenza dwar l-ambjent u l-iżvilupp sostennibli. “Hemm bżonn nifhmu l-bżonn ta’ l-immaniġġjar tajjeb ta’ l-iskart u l-enerġija u nħallu t-tfal jipparteċipaw bl-ideat tagħhom biex jieħdu rwol pro-attiv fis-soċjetà ta’ llum. Importanti li dak li jitgħallmu fl-iskola ixerrduh fil-komunità għaliex konvint li kapaċi jħallu impatt pożittiv fuq il-madwar tagħhom, sfortunatament iktar mill-adulti xi drabi. Ma ninsewx li t-tfal ta’ llum huma n-nies li ser jieħdu ħsieb l-ambjent ta’ għadha jekk mhux diġà qed jagħmlu dan. Mela aħna responsabbli li nħallulhom ambjent xieraq u li nagħtuhom l-għodda permezz ta’ l-edukazzjoni biex huma jkunu responsabbli u jieħdu ħsieb l-ambjent li jirtu.” temm jgħid il-Ministru George Pullicino.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959