Impenn mill-Gvern biex it-toroq residenzjali kollha f’ Ħal Luqa Jkunu nbnew sa ftit xhur oħra
Il-Gvern huwa impenjat li jibni t-toroq residenzjali ta’ Ħal Luqa li jidhru fil-Programm ta’ Bini ta’ Toroq Residenzjali 2006-2008 sa’ l-aħħar tas-sena.
Waqt żjara li għamel fuq il-lant tax-xogħol fi Triq Ġanni Vassallo dalgħodu, il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq, l-Onor. Jesmond Mugliett qal li fl-aħħar sitt xhur il-Gvern ser ikun investa mas-Lm70,000 (mal-€163,056) biex jibni erba’ toroq li jidhru f’dan il-Programm. Dawn huma Triq Ġanni Vassallo, Triq Dun Ġużeppi Micallef u Triq l-Ekru li qed jinbnew bħal issa permezz ta’ period contract li ħareġ fi tmiem Diċembru. Ma’ dawn hemm ukoll Misraħ iż-Żgħażagħ u parti minn Triq Ġużeppi Saliba li tlestew ftit ġimgħat ilu.
“B’hekk ikun għad fadal biss x’jinbnew erba’ toroq f’din il-lokalità sabiex tkun twettqet il-wegħda tal-Gvern li jibni t-toroq residenzjali kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu. Triq Patri Indrí Schembri, Triq Sebastjanu Saliba, Triq Pietru Saliba u Triq Ġużeppi Ellul ser ikunu qed jinħarġu f’period contract ieħor hekk kif jitlesta x-xogħol fuq it-toroq li qed naraw illum,” qal il-Ministru Mugliett.
Hu saħaq li l-Gvern ser jibni Triq Ġużeppi Ellul kollha mill-ġdid minkejja li lejn tmiem is-sajf li għadda, il-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa wettaq xogħol ta’ resurfacing f’ parti minn din it-triq bi spiża ta’ madwar Lm9,000 (€20,946). Dan sar minkejja li l-Kunsill kien jaf li din it-triq kienet diġà inkluża fil-programm tal-Gvern Ċentrali li kien ippubblikat f’Awissu tas-sena l-oħra. Il-Ministru Mugliett qal li dan ix-xogħol tant sar ħażin li ħoloq problemi ta’ qlib ta’ l-ilma, u dan b’detriment għar-residenti li joqgħodu fil-parti ta’ fuq tat-triq.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Urban u Toroq spjega li Ħal Luqa huwa wieħed mill-aktar lokalitajiet li qed igawdu mill-investiment qawwi tal-Gvern fit-titjib tat-toroq arterjali u distributorji ta’ pajjiżna.
“Ħal Luqa qiegħed fit-tarf ta’ l-akbar proġett ta’ toroq li qatt ra pajjiżna - il-proġett tat-toroq tal-Protokoll Taljan. Dan il-proġett kellu effett pożittiv fuq ir-residenti ta’ Ħal Luqa, speċjalment dawk li joqgħodu matul Triq Ħal Qormi fejn issa hemm service road li tissepara r-residenti mit-traffiku li jgħaddi mill-korsija prinċipali. Is-service road qed tiffaċilita ukoll l-aċċess għad-diversi stabbilimenti kummerċjali li hemm ibbażati matul din it-triq.”
Il-Ministru kompla jgħid: “Ir-raħal ta’ Ħal Luqa jinsab ukoll ma’ ġenb ir-rotta numru wieħed - li hija ix-xewka ta’ toroq ewlenin li taqsam il-gżira miċ-Ċirkewwa sa’ Birżebbuġa.”
“F’Settembru tlesta l-proġett ta’ Vjal l-Avjazzjoni Ċivili li tejjeb l-ambjent li wieħed isib huwa u ħiereġ mill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Issa ser indawwru ħarsitna lejn il-bqija tar-rotta numru wieħed biex din tittejjeb għal livell li jixraq lil pajjiż Ewropew. Wieħed mill-ewwel proġetti li qed nipproponu għal finanzjament taħt il-Fond ta’ Koeżjoni huwa l-bini mill-ġdid u t-titjib ta’ Triq il-Kunsill ta’ l-Ewropa.
“Minbarra li titwessa’ għal żewġ karreġġjati sħaħ f’kull direzzjoni biex din toffri aktar sigurtà għal kull min jużaha, fil-proġett ser ikun hemm inkluż ukoll landscaping estensiv fuq iż-żewġ naħat tat-triq sabiex jittejjeb l-ambjent mitluq li hemm matulha.”
“Dan il-landscaping kif ukoll it-titjib tal-ġometrija tat-triq li ser inaqqas l-ammont ta’ traffiku li bħalissa jinġema mar-roundabout tad-“Dinitrol” ser iwassal għal titjib fl-ambjent u l-kwalità tal-ħajja li jgawdu r-residenti fit-toroq tal-madwar,” temm jgħid il-Ministru Mugliett.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959