Left arrow Mur Lura

‘PERMEZZ TAL-PUBBLIKAZZJONI TA’ L-EWWEL ENTREPRENEURSHIP BASE DOCUMENT (MALTA) IL-GVERN IRID IKOMPLI JTEJJEB L-GĦAJNUNA LI JAGĦTI LIN-NEGOZJI ŻGĦAR” – IS-SEGRETARJU PARLAMENTARI EDWIN VASSALLO

PR0287
Date Icon 27/02/2007

“L-iżvilupp tal-politika imprenditorjali teħtieġ ukoll ir-riċerka u l-innovazzjoni tagħha.  Dan id-dokument ta’ riċerka huwa dokument ferm importanti sabiex jgħin lil dawk kollha f’pajjiżna li huma nvoluti fil-proċess ta’ żvilupp tal-politika imprenditorjali ta’ pajjiżna.  Il-Gvern, permezz tal-Malta Enterprise (Small Enterprise Directorate) u l-Euro Info Centre, ikkummissjona din ir-riċerka biex ikun aktar konxju tal-ħtiġijiet ta’ min huwa negozju żgħir f’pajjiżna.  Dan ir-rapport illum qed isir dokument pubbliku li ser jgħin lil kull entita’ li għandha dmir li tiżviluppa l-politika imprenditorjali biex tkun aktar konxja tal-ħtiġijiet tan-negozji żgħar.”  Is-Segretarju Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed, Edwin Vassallo, kien qiegħed jitkellem waqt il-preżentazzjoni ta’ l-ewwel Entrepreneurship Base Document li ġie mfassal. 

Biex tnieda dan ir-rapport, sar stħarriġ ma’ numru ta’ persuni self-employed minn Malta u Għawdex.  L-objettivi tar-riċerka li saret kienu biex tiġi analizzata is-sitwazzjoni preżenti u ġejjiena ta’ l-imprendituri u negozji ġodda f’Malta.  B’dan il-mod, il-Gvern ikun jista’ jifhem aħjar il-bżonnijiet u d-diffikultajiet tagħhom.  Ir-riċerka ffukat ukoll fuq l-impatt ta’ miżuri ta’ għajnuna u inizjattivi oħra li jingħataw minn istituzzjonijiet Maltin, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u turi n-nuqqasijiet ta’ dawn il-miżuri fl-opinioni ta’ l-imprendituri. 

Id-definizzjoni ta’ ‘imprenditur’ li ntużat għall-iskop tar-riċerka li saret biex tħejja dan ir-rapport kienet ibbażata fuq erba’ kriterji:  individwji li fetħu n-negozju tagħhom; li jieħdu r-riskji; li huma pro-attivi; u li huma kreattivi u/jew innovattivi. 

Ir-riżultati ta’ l-istħarriġ ġew spjegati fi preżentazzjoni li ngħatat min Ms Marika Fsadni li tat il-punti ewlenin tar-rapport.  Preżenti  kien hemm rappreżentanti minn numru ta’ Entitajiet u Awtoritajiet, Organizzazzjonijiet tan-negozju u persuni self employed. 

Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo spjega li “l-Gvern huwa impenjat li jtejjeb u li jkun innovattiv fil-mod ta’ kif jirrispondi għall-ħtiġijiet tan-negozji ż-żgħar tagħna.  Ma jistax ikollna politika innovattiva bla riċerka.  Fih innifsu dan ir-rapport huwa eżerċizzju ta’ konsultazzjoni xjentifika u akkademika li qed tgħin biex ikollna stampa ċara ta’ x’qed tkun ir-realta’ taċ-ċirkustanzi li qed jaħdmu fihom in-negozji żgħar tagħna. 

“Jiena inħeġġeġ lill-partiti politiċi li mhux biss jikkummentaw dwar il-pożittiv jew in-negattiv ta’ dan ir-rapport, iżda li jippermettu li r-rapport ikun ta’ gwida għall-iżvilupp tal-viżjoni politika ta’ kif ser jirrispondu għall-ħtiġijiet ta’ min huwa żgħir fil-kummerċ.  Inħeġġeġ li kull entita’ organizzata li tirrappreżenta settur kummerċjali li tistudja bir-reqqa’ dan id-dokument ta’ riċerka u tifhem aħjar ir-realta’ ta’ l-imprenditorija f’pajjiżna.  Bħala Gvern jiena ser nara li dan id-dokument, flimkien ma’ eżerċizzji oħra ta’ riċerka, iservu biex il-Gvern jibqa’ jaġġorna l-poltika tiegħu u hekk il-politika u d-deċiżjonijiet tal-Gvern jibqgħu joffru l-aħjar soluzzjonijiet għall-ħtiġijiet tan-negozji żgħar f’pajjiżna u jkomplu jinħolqu aktar impjiegi. 

“Dan id-dokument ser ikun għodda importanti għall-Gvern, li ser ikun qiegħed jużah bħala l-bażi ta’ eżerċizzju ta’ konsultazzjoni iżjed wiesgħa li għandu jwassal għall-preparazzjoni preliminarja tal-Pjan ta’ Ħidma ppubblikat mis-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed għas-sena politika li ġejja (Ġunju 2007 – Ġunju 2008).  B’dan il-mod, il-ħidma tal-Gvern għas-settur kummerċjali tkun imfassla fuq dak li verament jeħtieġu n-negozji ż-żgħar, u b’hekk il-Gvern ikollu l-aħjar pjan ta’ ħidma fl-implimentazzjoni tal-politika imprenditorjali. 

“Il-Gvern iħares ukoll b’fiduċja lejn ġejjieni pożittiv, għaliex jemmen li kapaċi jkun Gvern innovattiv fil-politika tiegħu ladarba huwa konxju li d-deċiżjonijiet qed jeħodhom fuq ir-riċerka li qiegħda issir bis-serjeta’.” 

Fit-tmien tad-diskors tiegħu, l-Onor. Vassallo faħħar din l-inizjattiva tal-Malta Enterprise (Small Enterprise Directorate) u l-Euro Info Centre, u wera s-sodisfazzjon tiegħu li llum il-Malta Enterprise (Small Enterprise Directorate) hi mgħarufa bħala għodda importanti li permezz tagħha l-Gvern qiegħed iwassal l-għajnuna tiegħu lil diversi setturi ta’ negozji, speċjalment dak tan-negozji ż-żgħar.  Hu qal li “huwa fatt li f’pajjiżna qiegħed isir ħafna xogħol favur in-negozji ż-żgħar, iżda din ir-riċerka tpoġġi quddiemna sfidi ġodda.  Jeħtieġ li nkomplu naħdmu biex intejjbu t-tajjeb tagħna u naraw li pajjiżna jkollu ferm u ferm aktar persuni li jgħarrfu jaħdmu aħjar biex f’pajjiżna jitjieb s-sehem ekonomiku tan-negozji tagħna.  Biex naslu għal dan is-suċċess, neħtieġu nwessgħu il-ħidma li diġa’ qed tħalli riżultati tajba.”

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow