L-ISTAĠUN TAL-KAĊĊA U L-INSIB FIR-REBBIEGĦA
Il-kumitat ORNIS li ltaqa’ akar kmieni llum irrakkomanda li jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa u l-insib bejn l-1 April u 10 ta’ Mejju għas-summien, u bejn l-10 t’April u l-20 ta’ Mejju għall-gamiem. Il-Gvern jaqbel mar-rakkomandazzjoni li jinfetaħ l-istaġun tal-kaċċa u l-insib fir-rebbiegħa pero fil-jiem li ġejjin se jkun qed jeżamina l-proposta tal-kumitat Ornis dwar id-dati ta’ l-istaġun u d-deċiżjoni tkun ikkomunikata fil-jiem li ġejjin.
Fl-istess waqt il-Kabinett tal-Ministri llum stess qabel fuq numru ta’ emendi li għandhom l-għan li jwettqu fil-prattika infurzar kontra l-abbuż fil-kaċċa. Dan intqal mill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet li matulha ta dettalji dwar l-aħħar żviluppi fuq kaċċa u nsib.
Il-Ministru Pullicino qal li jrid ikun enfasizzat li kaċċa fir-rebbiegħa tikkonċerna żewġ speċi biss, jiġifieri l-gamiem u s-summien, li la huma protetti u lanqas qeghdin fil-periklu ta’ estinzjoni.
George Pullicino fakkar kif il-Gvern għandu l-mandat tal-poplu biex jassigura kaċċa u insib sostenibbli. Hu qal li kemm fir-referendum kif ukoll fl-elezzjoni ġenerali l-poplu vvota għal programm li kien jinkludi dan l-impenn tal-Gvern. Hu fakkar ukoll li fil-Pożizzjoni Komuni (Kapitlu 22 – Ambjent) bejn Malta u l-Unjoni Ewropea maqbula u ffirmata bejn iż-żewġ naħat fis-27 ta’ Settembru 2002, kien intqal li: “L-Unjoni Ewropea innutat l-istqarrija ta’ Malta li hija se tillimita t-teħid ta’ għasafar fir-rebbiegħa għal żewġ speċi biss: Streptopelia turtur [gamiem] u Coturnix coturnix [summien], bħala applikazzjoni tad-deroga taħt Artiklu 9 tad-Direttiva.
Pullicino qal li li l-Gvern Malti, kif kien riaffermat għal diversi drabi, iqis il-pożizzjoni tiegħu li japplika d-deroga skond Artiklu 9 tad-Direttiva dwar l-Għasafar bħala waħda ġustifikata u skond il-parametri tad-Direttiva ta' l-Għasafar. Il-Gvern huwa lest li jiddefendi dan id-dritt anke quddiem il-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja. Id-Direttiva tippermetti lil kull Stat Membru li jimplimenta d-deroga abbażi ta' evidenza xjentifika u għal dan il-għan il-Gvern Malti ikkummissjona studju.
Pullicino tenna li l-Gvern huwa mpenjat u se jibqa’ mpenjat sabiex filwaqt li jiddefendi l-kaċċa legali, jiġġieled b’saħħtu kollha l-kaċċa llegali. Hu qal li l-akbar għadu għad-delizzju tal-kaċċaturi huma l-kaċċaturi li jabbużaw. Huma dawn l-abbużi li jagħmlu mhux biss ħsara lid-delizzju tal-kaċċa iżda anke lill-isem ta’ pajjiżna. Pullicino qal li fil-granet li ġejjin se ssir laqgħa kkordinata mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru sabiex ikun hemm rispons aktar effettiv kontra abbużi fil-kaċċa u l-insib.
Hu qal li wara sensiela ta’ laqgħat li uffiċjali mill-Ministeru kellhom mal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba u Konservazzjonisti (FKNK) u l-Birdlife Malta, fuq bidliet tar-Regolamenti tal-Kaċċa (Avviż Legali 79 ta’ l-2006), tressqu numru ta’ proposti għal emendi quddiem il-Kabinett. Pullicino ħabbar li fost il-bidliet approvati mill-Kabinett dalgħodu kien hemm żieda fil-multi u l-pieni sabiex min jikser ir-regolamenti jkollu prezz ferm aktar għoli xi jħallas.
Iż-żidiet fil-pieni ġew proposti mill-Birdlife Malta iżda l-Ministru Pullicino esprima l-fiduċja tiegħu li dawn l-emendi għandhom isibu wkoll l-appoġġ tal-kaċċaturi serji, inkluż tal-mexxejja tal-FKNK. Permezz ta’ l-emendi:
Ø IL-QORTI GĦANDHA S-SAĦĦA TIRREVOKA B’MOD PERMANENTI L-LIĊENZJI TA’ L-ARMA KIF UKOLL TAL-ĠARR TA’ L-ARMA GĦAL MIN HU RIĊEDIV;
Ø IL-PIENI FUQ OFFIŻI MAĠĠURU ĠEW IRDUPPJATI U ISSA SE JIBQGĦU TELGĦIN SA’ LM6,000;
Ø SENTENZI TA’ PRIĠUNERIJA LI JITILGĦU SA’ SENTEJN;
Ø IL-QORTI TISTA’ TIKKONFISKA KEMM L-ARMA KIF UKOLL TIRREVOKA L-LIĊENZJA TAL-ĠARR TA’ L-ARMA.
Emenda oħra importanti maqbula mill-Kabinett hija proposta oħra tal-Birdlife li fuqha wkoll qabel il-Ministeru u li permezz tagħha issa ma jistax isir ġarr u użu ta’ arma tan-nar f’area sa’ 50 metru bogħod minn bajjiet pubbliċi. Din l-emenda tikkumplimenta r-regolamenti eżistenti li diġa kienu jipprojbixxu l-ġarr u l-użu ta’ l-arma f’ċirkostanzi oħrajn.
Il-Ministru Pullicino qal li peress li sa’ llum il-bajjiet mhumiex definiti fil-liġi Maltija, l-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent ħejja skeda li tiddefinixxi l-bajjiet li fihom se tidħol fis-seħħ din il-projbizzjoni. Dawn huma l-bajjiet ta’ Paradise Bay, il-bajja ta’ l-Armier, Anchor Bay, Golden Bay, Għajn Tuffieħa u l-Ġnejna. F’Għawdex il-bajjiet huma r-Ramla l-Ħamra, San Blas, ix-Xatt l-Aħmar, Imġarr ix-Xini u l-bajja tax-Xlendi.
Hu fakkar li lanqas ma tista ssir kaċċa f’dawk il-bajjiet li huma 50 metru ‘l bogħod minn triq prinċipali (main road) jew 200 metru minn żona urbana. Il-Kabinett approva wkoll xi emendi wara proposti mressqa mill-FKNK foshom tibdil fid-daqs taċ-ċomb li hija intiża biex tikkoreġi anomalija li kien hemm fir-regolamenti eżistenti kif ukoll klassifikazzjoni aktar definita ta’ l-għasafar li jistgħu jkunu kkaċċjati fuq l-art u dawk li jistgħu jkunu kkaċċjati fuq il-baħar.
Saret emenda ohra fejn il-perjodu ta’ żmien li jrid jgħaddi bejn ir-rakkomandazzjoni tal-ORNIS u l-ftuħ ta’ l-istaġun, issa minn sitt ġimgħat se jsir erba’ ġimgħat. Hemm ukoll xi emendi sabiex jiġu ċċarati l-istess regolamenti.
Il-Ministru Pullicino qal li dawn l-emendi ghandhom jibghatu messagg wiehed: IL-GVERN MHUX SE JITTOLLERA EBDA ABBUŻ MINN MIN MHUX LEST LI JIMXI MAL-LIĠI. Il-Qorti qed tingħata l-fakulta’ ta’ pieni eħrex li għandhom iservu ta’ deterrent akbar għal min jabbuża.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959