IŻ-ŻGĦAŻAGĦ B’PARTEĊIPAZZJONI ĦAJJA FIS-SOĊJETÀ LLUM
Fi tmiem din il-Ġimgħa il-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ qed iżomm il-Laqgħa Generali Annwali tiegħu fil-Jerma Palace Hotel, Marsascala. Il-Laqgha hi mifruxa fuq tlett ijiem bejn il-Gimgha 23 u l-Ħadd 25 ta' Frar bit-tema 'Nippromwovu l-Opportunitajiet Indaqs fost iż-Żgħażagħ'.
Il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol Louis Galea indirizza l-laqgħa fejn tkellem dwar il-ħidma importanti li qed iwettaq il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ f’pajjiżna. Hu qal li kull Kunsill Nazzjonali, f’dawn l-aħħar ħmistax-il sena, kemm ilu mwaqqaf, wettaq ħidma li mingħajr daqq ta’ trombi ġabet bidliet importanti fis-soċjetà Maltija u li qed jgħinu biex iż-żgħażagħ jieħdu sehem aktar attiv fil-kommunitajiet tagħna.
Il-Ministru semma l-parteċipazzjoni tal-Kunsill f’fora Ewropej u Internazzjonali u kif din il-parteċipazzjoni ipprovdiet esperjenza imprezzabbli u biex ikun hemm skambju ta’ ideat u ħsibijiet bejn iż-żgħażagħ madwar id-dinja. Hu qal li din id-dimensjoni internazzjonali hi partikolarment importanti għaż-żgħażagħ Maltin minħabba l-insularità li jista’ jkollna bħala pajjiż. Hu qal li bħala pajjiż membru fl-UE u aktar u aktar bħala pajjiż li hu miftuħ għall-effetti tal-globalizzazzjoni, li jkollna poplu li kapaċi jifhem u jiddjaloga ma nies b’kulturi differenti hu ta’ vantaġġ.
Il-Ministru Galea qal li l-kunsill ġab ukoll żvilupp importanti permezz tal-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ. Dawn il-kunsill jagħtu vuċi liż-żgħażagħ illum għax mhux minnhu li ż-żgħażagħ huma l-mexxejja ta’ għada imma għandhom ikunu parteċipi issa. Hu sostna li diġa’ hemm 7 lokalitajiet fejn qed taħdem din l-inizjattiva u jidher li dan l-esperiment kien wieħed li ħalla l-frott. Il-Ministru appella biex aktar lokalitajiet jieħdu din l-inizjattiva favur parteċipazzjoni attiva miż-żgħażagħ fil-komunità. Attività oħra li jorganizza l-kunsill biex ikattar iċ-ċittadinanza attiva, id-demokrazija u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ hija l-Parlament Nazzjonali taż-żgħażagħ fejn ż-żgħażagħ ikollhom l-opportunità li b’mod dirett iwasslu l-ħsibijiet u l-opinjonijiet tagħhom dwar l-oqsma li jikkonċernaw lilhom b’mod dirett u s-soċjetà b’mod wiesgħa.
Il-Ministru faħħar ukoll l-inizjattiva tal-Kunsill fejn organizza kors ta’ taħriġ għal żgħażagħ Maltin li permezz tal-programm YOUTH ta’ l-UE kellhom l-opportunità jipparteċipaw f’diversi sessjonijiet dwar iċ-ċittadinanza u l-kultura Ewropea u l-Identità Ewropea.
Il-Ministru temm jgħid li il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ huwa għodda li tista’, u għandha, tintuża biex iż-żgħażagħ ikollhom ċans jieħdu rwol aktar attiv fis-soċjetà. Hu għalhekk importanti li l-għaqdiet taż-żgħażagħ ikomplu bil-ħidma tagħhom u jużaw l-istruttura li joffri dan il-kunsill bħala mezz biex iwasslu l-messaġġ tagħhom f’kull livell.
Waqt l-AGM saru wkoll erba’ Workshops li huma: il-Ħidma tal-Kunsill Nazzjonali Żgħażagħ u fejn qed jiffoka il-ħidma tiegħu għall-futur, Il-Parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ f'fora differenti, il-Kunsilli Lokali taż-Żgħażagħ u l-Parlament taż-Żgħażagħ, il-futur tal-Unjoni Ewropea fl-okkazjoni tal-50 Anniversarju mill-iffirmar tat-trattat ta' Ruma, u l-Politika Nazzjonali taż-Żgħażagħ.
Waqt l-AGM ġie ppreżentat ukoll ir-Rapport Annwali tal-ħidma ta’ l-Eżekuttiv preċedenti. Kienu ppreżentati wkoll l-kandidati l-ġodda għall-eżekuttiv il-ġdid għas-sena 2007-2008. Għall-eżekuttiv il-ġdid kienu nominati 13-il persuna u għaldaqstant saret ukoll l-elezzjoni biex jiġu eletti 11-il membru fl-eżekuttiv il-ġdid. Il-persuni nominati huma:
Bonavia Antonella AEGEE
Calenti Danielle Alternattiva Demokratika Żgħażagħ (ADŻ)
Cassar Christine AEGEE
Psaila Frank Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista (MŻPN)
Zammit Alessia Kunsill Studenti Universitarji (KSU)
Bartolo Duncan General Workers Union Youths (GWU Youths)
Borg Tania Forum Żgħażagħ Laburisti (FŻL)
Cutajar Christopher Graffitti
Farrugia Carl Moviment Kattoliku Studenti Universitarji (MKSU)
Meli Sean Pulse
Mifsud Etienne Union Ħaddiema Magħqudin (UĦM)
Seychell Dylan Malta University Sports Club (MUSC)
Zammit Ivan Kunsill Studenti Universitarji (KSU)
DOI 25.02.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959