Left arrow Go Back

KONFERENZA NAZZJONALI – “LI TITGĦALLEM QATT MHU TARD WISQ”: IL-ĠENITURI INFORMATI U ATTIVI FL-EDUKAZZJONI

PR0276
Date Icon 25/02/2007

“Il-Gvern hu determinat li jara li l-ġenituri jsiru protagonisti aktar informati u attivi fl-iżvilupp edukattiv ta’ uliedhom u tagħhom infushom għaliex dan l-aktar li għandu impatt posittiv fuq it-trawwim ta’ soċjeta` b’impenn lejn it-tagħlim. Waħda mill-funzjonijiet l-aktar importanti li l-liġi l-ġdida dwar l-edukazzjoni tagħti lill-Kulleġġi ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat hi li jippromwovu t-tisħib tal-ġenituri fl-iżvilupp ta’ l-iskola u fl-esperjenza edukattiva ta’ uliedhom u joħolqu sħubija effettiva bejn l-iskola u d-dar.” Dan sostnieh Louis Galea, il-Ministru ta’ l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u Xogħol, meta indirizza Konferenza li għaliha attendew mijiet ta’ ġenituri. Il-Konferenza kienet indirizzata wkoll mis-Segretarju Permanenti Frans Borg, id-Direttur Generali Cecilia Borg, u Werner van Katwijk, Segretarju Generali tal-European parents Association. Il-Konferenza Nazzjonali hi konfinanzjata mill-Unjoni Ewropea u qed issir fil-Lukanda Dolmen Resort, il-Qawra.   

Għal din il-Konferenza qed jattendu aktar minn 650 persuna bejn edukaturi, ġenituri, u professjonisti oħrajn li għandhom għal qalbhom it-tagħlim tul il-ħajja kif ukoll il-pubbliku ġenerali.  Is-Sur Borg qal li “Jekk mhux se nifhmu ilkoll li t-tagħlim tul il-ħajja mhux lussu imam bżonn se naqgħu lura kemm bħala individwi kif ukoll bħala pajjiż. Għalhekk qieghdin hawn biex aħna nifhmu aħjar x’qed jippreżentalna l-futur u biex nrawwmu fina dan l-għatx għat-tagħlim.” Hu tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tat-tagħlim f’pajjiżna. “Bħalissa 2000 familja qed jitħarrgu mill-FES f’7 lokalitajiet differenti, 9000 student f’MCAST, 10,000 fl-Universita. 9,000 qed jattendu l-korsijiet ta’ filgħaxija, 1000 student fl-Istitut ta’ l-Istudji Turistiċi (ITS) u kważi 70 % ta’ dawk li għalqu is-sittax-il sena qed ikomplu jitgħallmu.”  Hu qal li dan hu xhieda ta’ impenn tagħna favur edukazzjoni aħjar iżda qal li pajjiżna għad għandu sfidi kbar x’jiffaċċja għall-futur jekk irridu inkomplu ingawdu livell ta’ ħajja mill-aqwa.  Is-Sur Borg tenna li “L-istudenti huma aħna lkoll. Aħna li  rridu ngħarfu kuljum il-ħiliet, il-limitazzjonijiet u l-htiġijiet tagħna, li nfittxu l-informazzjoni meħtieġa,  u nużaw l-ħiliet, l-esperjenzi u l-għerf li nkunu ksibna b’mod produttiv.  Dan jitwettaq fi sfond ta’ tmewwin fina nfusna u fiduċja fil-ħiliet tagħna.  Hekk biss nistgħu ndawwru l-biża u l-inertia f’opportunitajiet u sfidi” 

Il-Konferenza kompliet illum b’introduzzjoni dwar l-importanza tat tagħlim tul il-ħajja.  Fid-diskors ewlieni, is-Sur Sandro Spiteri ta ħarsa dettaljata dwar x’nifhmu b’edukazzjoni tul il-ħajja u l-importanza mhux biss ta’ edukazzjoni formali iżda wkoll ta’ edukazzjoni informali u non-formali.  Is-Sur Spiteri tkellem ukoll dwar l-importanza ta’ l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali partikolarment għal dawk li diġa’ qiegħdin fid-dinja tax-xogħol.  Il-konferenza kompliet b’diskussjonijiet animati mill-ġurnalista Godfrey Grima ma tliet persuni midħla tal-qasam edukattiv u tat-tagħlim tul il-ħajja.  Is-Sur Anthony Degiovanni tkellem dwar l-edukazzjoni bħala mixja kontinwa u mhux biss bħala xi ħaġa li tintemm malli noħorġu mill-iskola.  Is-Sinjura Maria Pia Chircop tkemmet dwar il-bżonn li nibqgħu nitgħallmu biex nibqgħu rilevanti fuq il-post tax-xogħol tagħna u kif l-edukazzjoni trid issir parti mix-xogħol li nagħmlu.  Brother Saviour Gatt qal li l-edukazzjoni hi ċ-ċavetta li nagħtu lit-tfal tagħna biex dawn ikunu jistgħu jiftħu l-bibien tal-futur tagħhom. Is-Sur Werner Katwijk, Segretarju Ġenerali tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Ġenituri, tkellem dwar ir-responsabbiltà tal-ġenituri fil-proċess tat-tagħlim.  Sessjoni oħra tmexxiet mis-Sinjura Angela Agius bit-tema Li Titghallem…. Esperjenza hajja. 

Wara nofsinhar id-delegati inqasmu f’diversi workshops trattaw: l-Edukazzjoni Bikrija;  L-Ugwaljanza fil-Kisba tat-Tagħlim; Id-Dinja tax-Xogħol; L-Edukazzjoni Inklussiva; Ħiliet, kompetenzi  jew informazzjoni?; u dwar kif l-Ġenituri jistgħu jagħmlu differenza. 

Din il-Konferenza torbot lil pajjiżna ma’ mixja ta’ ħsieb madwar l-Ewropa kollha, u li qed jingħata spinta ġdida mill-presidenza Ġermaniza li bħalissa qed tmexxi l-Unjoni.  Kull ma jmur aħna l-Ewropej qed ikollna iktar bżonn, li nibqgħu naġġornaw lilna nfusna permezz ta’ ċiklu permanenti ta’ edukazzjoni formali u nformali.

Il-Ministru Louis Galea faħħar l-impenn tal-ġenituri Maltin u Għawdxin fl-edukazzjoni ta’ uliedhom. Huwa qal li kien bis-saħħa ta’ din l-għira għat-taghlim li l-poplu tagħna setgħa jikseb daqstant progress fil-ħajja ekonomika u soċjali tiegħu. “Iżda issa għandna sfida kbira oħra, dik li nassiguraw edukazzjoni ta’ l-ogħla kwalità u nassigurawha għal kulħadd.  Il-Gvern bil-ħidma tiegħu diġa` irreġistra progress kbir, iżda jonqos ħafna aktar xogħol li jrid isir id f’id mal-ġenituri, l-għalliema u l-istituzzjonijiet tat-tagħlim u t-taħriġ.” 

Louis Galea fisser li ftit xhur ilu l-Parlament għadda l-liġi li ħolqot bażi ġdida għall-organizazzjoni ta’ l-iskejjel ta’ l-Istat fi ħdan Kulleġġi. “S’issa waqqafna sebgħa minn għaxar Kulleġġi li ġabru fihom numru sew ta’ skejjel primarji u sekondarji fi proċess ta’ sħubija. Dan il-proċess għadu fil-bidu tiegħu. Qed naħsbu għal aktar miżuri u aktar għodda u appoġġ biex nassiguraw li l-Kulleġġi jkunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet li tajnihom bil-liġi.”   

Il-Ministru fisser li skop fondamentali tal-Kulleġġi hu li jiżguraw li l-istudenti fdati fl-iskejjel jirċievu d-dritt tagħhom fl-edukazzjoni skond il-potenzjal tagħhom fi proċess sħiħ ta’ edukazzjoni, kontinwa u bla skossi, minn eta` bikrija sa tmiem l-edukazzjoni obbligatorja f’perspettiva ta’ tagħlim tul il-ħajja. 

“L-għixien u l-kwalità tal-ħajja llum saru jiddependu bil-kbir fuq kemm il-bniedem jiżviluppa l-ħiliet u t-talenti tiegħu. Qatt daqs illum fl-istorja tal-bniedem ma konna daqshekk konxji u anzjuzi biex nassiguraw li uliedna lkoll jitgħallmu, jitħarrġu u jirnexxu. L-iżviluppi u l-avvanzi fix-xjenzi, t-teknoloġija u  fis-soċjetà ġabuna wiċċ imb’wiċċ ma’ sistema ġdid ta’ l-edukazzjoni. Mhux aktar edukazzjoni biex insibu impieg partikolari. Iżda  edukazzjoni tul il-ħajja. Mhux aktar edukazzjoni fejn l-istudenti jassorbi bħal sponza l-informazzjoni. Iżda edukazzjoni fejn l-istudent jiġi mgħallem u mħarreġ kif japprezza l-bżonn tat-tagħlim u jkun jaf ikompli jitgħallem waħdu fil-bqija ta’ ħajtu, bit-tħaddim tat-teknoloġija ta’ l-informatika u l-kommunikazzjoni. Mhux aktar edukazzjoni fil-klassi biss, iżda edukazzjoni f’kull post u f’kull ħin.” 

Il-Ministru Galea qal li l-Gvern qed jaħdem biex jittrasforma l-edukazzjoni minn dik tas-seklu l-ieħor għal dak li hu meħtieġ fis-seklu l-ġdid. “F’dan kollu aħna l-ġenituri għandna sehem ħafna aktar milli kellna il-bieraħ. Malta qatt ma kellha daqstant ġenituri edukati f’diversi livelli sa l-ogħla livelli daqskemm għandha issa u n-numru qiegħed ikompli jiżdied b’rata mgħaġġla. Min naħa l-oħra l-ġenituri llum qed jaffaċċjaw sfida diffiċli ħafna biex nibbilanċjaw l-enerġija tagħna fuq il-post tax-xogħol ma’ l-enerġija meħtieġa għat-trobbija u l-edukazzjoni ta’ l-uliedna. Bħallikieku dan ma kienx diġa` kumplikat biżżejjed, qed naffaċċjaw ukoll l-isfida ta’ soċjeta` li inbidlet u ġabet magħha stili ta’ ħajja, divertiment, TV’s, kompjuters, u internet li qed jaħkmu liż-żgħażagħ tagħna u jaljenawhom mill-isforzi essenzjali għall-iżvilupp tagħhom.” 

Il-Ministru Louis Galea qal li l-Gvern hu qrib ħafna dak kollu li jħossu u għaddejjin minnu l-ġenituri. “Hu għalhekk li qed inpoġġu f’postha riforma fl-edukazzjoni ta’ pajjiżna. Filwaqt li aħna nemmnu li l-ewwel u l-aqwa dmir għall-edukazzjoni ta’ l-ulied hu tal-ġenituri, l-Gvern il-ħin kollu jaħdem biex jappoġġja u jerfa` kemm jista` f’din l-akbar missjoni li għandna.” Il-Ministru Galea spjega l-investiment ta’ Lm 126 miljun (€ 293.5 m) li l-Gvern qed jagħmel din is-sena biss fl-edukazzjoni. Huwa fisser li qed jittieħdu l-passi biex jitwaqqaf id-Direttorat għall-Kwalita` u l-Standards fl-Edukazzjoni bl-iskop li l-iskejjel ikollhom għajnuna u kejl aħjar fl-edukazzjoni ta’ l-istudenti. “Qed nieħdu wkoll passi biex inwaqqfu d-Direttorat għal Servizzi Edukattivi għaliex irridu nsaħħu l-appoġġ u s-servizzi li għandhom bżonn l-għalliema u l-istudenti.” 

“Jekk tassew tħobbu l-uliedkom irridukom taħdmu id f’id magħna biex ikollna l-aħjar ambjent ta’ rispett u dixxiplina fl-iskejjel. Qalbi tingħafas bil-kbir meta nisma b’inċidenti  ta’ imġieba ħażina, indixxiplina u, wisq agħar, vjolenza fiżika jew morali. Aħna nikkundannaw kull każ u nieħdu l-passi kollha li jkun hemm bżonn. Irridukom taħdmu magħna biex inxejjnu l-bullying fejn jerfa` rasu fl-iskejjel tagħna. Fir-riforma qed naħsbu li nsaħħu s-servizzi ta’ counselling, dixxiplina, gwida għall-karrieri u servizzi psiko-socjali li studenti, għalliema u ġenituri jistgħu jiġu bżonn.” 

Il-Ministru Louis Galea fisser il-ħidma tal-Gvern permezz ta’ l-FTS biex jagħti lill-istudenti skejjel ġodda, sbieh, moderni u mgħammra bl-aħjar apparat. “Bħalissa l-Gvern jinsab impenjat fil-bini ta’ ħames skejjel ġodda, apparti xogħol ta’ estensjoni ta’ skejjel, bini ta’ swali u żvilupp ta’ faċilitajiet sportivi. Il-Gvern irid li dan l-investiment ta’ miljuni ta’ liri ma jintużax mill-istudenti biss waqt il-ħin ta’ l-iskola, iżda mill-komunità kollha anke wara l-ħin ta’ l-iskola.” 

Il-Ministru Galea irrefera għall-ħidma li qed iwettqu d-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, l-Kapijiet u l-għalliema fl-iskejjel b’riżultati li l-ħin kollu qed jitjiebu. Huwa rrefera wkoll għall-aġġornament li qed jitħejja fis-sistema ta’ l-eżamijiet u ta’ l-assessment tal-ħidma ta’ l-istudenti fl-iskejjel tagħna. “Jekk tassew irridu li uliedna jirnexxu lkoll, jeħtieġ ngħarfu u nivvalorizzaw il-ħiliet diversi ta’ uliedna u li mhux ilkoll niżviluppaw bl-istess pass u metodu. L-iskejjel għandhom il-missjoni li ma jħallu lil ħadd jaħbi t-talenti li jkollu u jridu jinfetħu għad-diversità tat-talenti tat-tfal kollha. F’Malta għandna skejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u skejjel Indipendenti ta’ l-aqwa fama li qed jagħmlu suċċess bi strateġija ta’ tagħlim  li tilħaq id-diversità tat-tfal. M’għandhomx ikunu il-ġenituri li b’nuqqas ta’ informazzjoni jew bi preġudizzji jikkundannaw lil xi ħadd minn uliedhom għaliex fl-edukazzjoni jimxi b’pass differenti minn ulied ħadtieħor. “L-isfida ta’ kull ġenitur u ta’ kull għalliem hi li tħares lejn kull wild, kull student mill-lenti personali u tiskopri ċ-ċavetta tas-senduq tal-potenzjal ta’ dak il-wild, student. Ikun x’ikun dan il-potenzjal, aħna imħarrġa u imħallsin biex mhux noħonquh, naħluh, iżda noħorġuh sal-limitu possibbli.”

Il-Ministru Louis Galea temm jgħid li dawn huma fost l-ingredjenti l-aktar importanti biex inrawwmu soċjeta` b’impenn lejn it-tagħlim u li tħaddan sistema edukattiva ta’ tagħlim tul il-ħajja.

DOI  25.02.2007

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

More Press Releases Right arrow