Left arrow Mur Lura

DISKORS TA’ L-ONOR. TONIO BORG VIĊI PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, FIL-LAQGĦA GĦALL-KUNSILLIERI TAR-REĠJUN TAL-MAJJISTRAL TA’ MALTA – ATTARD – IS-SIBT, 24 FRAR 2007

PR0275
Date Icon 25/02/2007

It-Tisbiħ tal-Lokalitajiet għat-tkabbir tat-Turiżmu

Huwa ta’ pajċir kbir għalija li gejt mistieden biex nindirizza din il-laqgħa tagħkom il-Kunsilliera li qed titratta tema daqshekk fondamentali għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.   

It-turiżmu ntgħażel bħala t-tema elwenija għal din il-laqgħa minħabba li intom qed tirrappreżentaw lill-Kunsilli tat-Tramuntana ta’ Malta u li allura intom assoċjati aktar minn reġjuni oħra ma’ l-industrija turistika.  Però nixtieq nenfasizza li s-settur għandu implikazzjonijiet profondi għall-pajjiż shih u l-Kunsilli Lokali kollha għandhom sehem kruċjali fl-iżvilupp ta’ din l-industrija li hija waħda mill-akbar kontributuri għall-prosperità tal-pajjiż tagħna. 

L-industrija tat-turiżmu hija rikonoxxuta bħala forza ekonomika u soċjali kbira li toħloq bosta impjiegi u għalhekk hemm il-ħtieġa ta’ impenn kostanti mil-lat ta’ Gvern Lokali sabiex iqajmu kuxjenza fil-komunitajiet rispettivi dwar il-benefiċċji li t-turiżmu jista’ jħalli fil-lokalitajiet.  Hemm ukoll il-ħtieġa li l-Kunsilli jipprovdu l-faċilitajiet bażiċi biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp turistiku u jiżguraw li dawn il-faċilitajiet ikunu adegwati kemm għal min iżurhom kif ukoll għar-residenti ta’ l-istess lokal.  Għandhom jassiguraw ukoll li l-iżvilupp turistiku jkun jikkumplimenta l-karattru tal-lokal. 

Kull żona turistika għandha karatteristiċi partikolari li jridu jiġu sfruttati għall-valur tagħhom bħala attrazzjoni.  Kull żona m’għandhiex titqies bħala sostitut ta’ żona oħra, izda bħala żona kumplimentari għall-oħrajn u għalhekk l-iżvilupp għandu jkun konsistenti mar-rwol li kull żona għandha.  B’dan il-mod inkunu nistgħu nassiguraw li d-dhul mit-turiżmu ikun distribwit b’aktar ġustizzja filwaqt li ntaffu l-pressjoni fuq dawk is-siti li jiġu viżitati frekwentement. 

Sinjuri Kunsilliera, għalkemm it-turiżmu per se m’huwiex wieħed mir-responsabbilitajiet statutorji tal-Gvern Lokali, jibqa’ l-fatt li l-Kunsilli għandhom responsabbilitajiet importanti biex din l-industrija timxi ’l quddiem u tiżviluppa b’mod sostenibbli. 

Il-Kunsilli Lokali għandhom ir-responsabbiltà li jahdmu sabiex l-ambjent fiżiku fil-lokalitajiet rispettivi jkun ta’ kwalità għolja u jinżamm nadif.  Il-Kunsilli għandhom ukoll rwol kruċjali bħala inizjaturi u koordinaturi ta’ proġetti ta’ tisbiħ li xi drabi jinvolvu entitajiet statali u anke privati.  L-esperjanza urietna li l-involviment tal-Gvern Lokali huwa kruċjali biex ikollna żvilupp turistiku bilanċjat. 

Id-dehra fiżika tal-lokalità hija fundamentali biex min iżurha jifforma l-ewwel opinjoni tiegħu fuq il-post.  Id-dehra tal-post tirrifletti l-prodott turistiku fih innifsu u tittrażmetti sentiment pożittiv ta’ merħba lill-viżitatur.  L-iskema Sebbaħ Pajjiżek ikkoordinata mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali kellha appuntu l-għan li theġġeġ u tgħin lill-Kunsilli Lokali biex joħorgu b’inizjattivi innovattivi biex jagħtu dehra isbaħ lill-lokalitajiet tagħhom.  Issa li din l-iskema spiċċat, qed isiru taħdidiet mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali ma’ Ministeri oħra biex jinholqu skemi ġodda li bihom il-Kunsilli jiġu mgħejjuna biex iwettqu inizjattivi ambjentali. 

Intenni l-appoġġ kollu tal-Gvern Ċentrali għall-inzjattivi kollha li l-Kunsilli qegħdin jieħdu b’risq il-lokalitajiet tagħhom partikolarment fl-oqsma li għandhom x’jaqsmu mat-turiżmu.  Nixtieq inheġġeġ lill-Kunsilli sabiex jieħdu aktar inizjattivi sabiex itejbu l-prodott turistiku tal-gżira.  Hemm ukoll proġetti li jkunu ffinanzjati in parti mill-Unjoni Ewropea għal dan il-għan. 

Jien infurmat li hemm erbatax-il Kunsill li bdew jaħdmu, jew issottomettew proposti għal proġetti ta’ l-Unjoni Ewropa li għadhom x’jaqsmu direttament jew indirettament mat-turiżmu.  Dawn il-proġetti jinkludu rijabilitazzjoni u promozzjoni ta’ siti storiċi, promozzjoni ta’ folklor lokali, żvilupp ta’ turiżmu reliġjuż, kreattiv u ekoturiżmu.  Minn qalbi nifraħ lill-Kunsilli li ħadu dawn l-inizjattivi u nħeġġeġ lill-Kunsilli l-oħra biex jimxu fuq dawn l-eżempji. 

Din l-attività qed issir ġimgħatejn biss qabel l-elezzjonijiet ta’ terz tal-Kunsilli Lokali li se jsiru fl-10 ta’ Marzu li ġej.  Dan se jkun eżerċizzju ieħor fid-demokrazija lokali, fenomenu li f’pajjiżna ilu magħna kważi ħmistax-il sena.  B’sodisfazzjon wieħed jinnota li l-Kunsilli Lokali infushom u r-rwol li għandhom għall-iżvilupp tal-lokalitajiet iżda wkoll għall-iżvilupp demokratiku ta’ pajjiżna, m’għadux suġġett ta’ kontroversja poltika iżda hemm qbil unanimu dwaru. 

Jiena persważ li la jgħaddi d-deni elettorali, il-Kunsilliera l-ġodda li jiġu eletti se jixħtu l-enerġija kollha tagħhom fuq xogħol fejjiedi b’risq il-lokalità.  Huwa dan is-sentiment ta’ għaqda li jeżisti fil-Kunsilli Lokali, għaqda bbażata fuq imħabba lejn il-lokalità rispettiva, li huwa kruċjali biex il-Kunsilli jkomplu jiżvluppaw.  L-għaqda fil-Kunsill hija fundamentali wkoll biex in-nies ikollhom fiduċja fikom.  Il-fiduċja tinkiseb billi kull Kunsill juri li hu magħqud u li kapaċi joffri tmexxija soda u konsistenti.  Dan ma jfissirx li fi ħdan organizzazzjoni kumplessa bħal ma hi Kunsill Lokali ma jkux hemm problemi u differenzi li xi minn daqqiet ikunu diffiċli li jissolvew.  Izda l-impenn ta’ kull Kunsill lejn il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini li jservi għandu jkun ’il fuq minn kull differenza li tista’ tinħoloq. 

Nirringrazzjakom ta’ l-istedina biex nindirizza din il-konferenza u nawgura li jkollkom laqgħa utli li tħalli r-riżultati mixtieqa.

DOI  25.02.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow