DISKORS TA’ L-ONOR. TONIO BORG VIĊI PRIM MINISTRU U MINISTRU TAL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN, FIL-LAQGĦA GĦALL-KUNSILLIERI TAR-REĠJUN TAL-MAJJISTRAL TA’ MALTA – ATTARD – IS-SIBT, 24 FRAR 2007
It-Tisbiħ tal-Lokalitajiet għat-tkabbir tat-Turiżmu
Huwa ta’ pajċir kbir għalija li gejt mistieden biex nindirizza din il-laqgħa tagħkom il-Kunsilliera li qed titratta tema daqshekk fondamentali għall-iżvilupp ekonomiku ta’ pajjiżna.
It-turiżmu ntgħażel bħala t-tema elwenija għal din il-laqgħa minħabba li intom qed tirrappreżentaw lill-Kunsilli tat-Tramuntana ta’ Malta u li allura intom assoċjati aktar minn reġjuni oħra ma’ l-industrija turistika. Però nixtieq nenfasizza li s-settur għandu implikazzjonijiet profondi għall-pajjiż shih u l-Kunsilli Lokali kollha għandhom sehem kruċjali fl-iżvilupp ta’ din l-industrija li hija waħda mill-akbar kontributuri għall-prosperità tal-pajjiż tagħna.
L-industrija tat-turiżmu hija rikonoxxuta bħala forza ekonomika u soċjali kbira li toħloq bosta impjiegi u għalhekk hemm il-ħtieġa ta’ impenn kostanti mil-lat ta’ Gvern Lokali sabiex iqajmu kuxjenza fil-komunitajiet rispettivi dwar il-benefiċċji li t-turiżmu jista’ jħalli fil-lokalitajiet. Hemm ukoll il-ħtieġa li l-Kunsilli jipprovdu l-faċilitajiet bażiċi biex jinkoraġġixxu l-iżvilupp turistiku u jiżguraw li dawn il-faċilitajiet ikunu adegwati kemm għal min iżurhom kif ukoll għar-residenti ta’ l-istess lokal. Għandhom jassiguraw ukoll li l-iżvilupp turistiku jkun jikkumplimenta l-karattru tal-lokal.
Kull żona turistika għandha karatteristiċi partikolari li jridu jiġu sfruttati għall-valur tagħhom bħala attrazzjoni. Kull żona m’għandhiex titqies bħala sostitut ta’ żona oħra, izda bħala żona kumplimentari għall-oħrajn u għalhekk l-iżvilupp għandu jkun konsistenti mar-rwol li kull żona għandha. B’dan il-mod inkunu nistgħu nassiguraw li d-dhul mit-turiżmu ikun distribwit b’aktar ġustizzja filwaqt li ntaffu l-pressjoni fuq dawk is-siti li jiġu viżitati frekwentement.
Sinjuri Kunsilliera, għalkemm it-turiżmu per se m’huwiex wieħed mir-responsabbilitajiet statutorji tal-Gvern Lokali, jibqa’ l-fatt li l-Kunsilli għandhom responsabbilitajiet importanti biex din l-industrija timxi ’l quddiem u tiżviluppa b’mod sostenibbli.
Il-Kunsilli Lokali għandhom ir-responsabbiltà li jahdmu sabiex l-ambjent fiżiku fil-lokalitajiet rispettivi jkun ta’ kwalità għolja u jinżamm nadif. Il-Kunsilli għandhom ukoll rwol kruċjali bħala inizjaturi u koordinaturi ta’ proġetti ta’ tisbiħ li xi drabi jinvolvu entitajiet statali u anke privati. L-esperjanza urietna li l-involviment tal-Gvern Lokali huwa kruċjali biex ikollna żvilupp turistiku bilanċjat.
Id-dehra fiżika tal-lokalità hija fundamentali biex min iżurha jifforma l-ewwel opinjoni tiegħu fuq il-post. Id-dehra tal-post tirrifletti l-prodott turistiku fih innifsu u tittrażmetti sentiment pożittiv ta’ merħba lill-viżitatur. L-iskema Sebbaħ Pajjiżek ikkoordinata mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali kellha appuntu l-għan li theġġeġ u tgħin lill-Kunsilli Lokali biex joħorgu b’inizjattivi innovattivi biex jagħtu dehra isbaħ lill-lokalitajiet tagħhom. Issa li din l-iskema spiċċat, qed isiru taħdidiet mid-Dipartiment tal-Gvern Lokali ma’ Ministeri oħra biex jinholqu skemi ġodda li bihom il-Kunsilli jiġu mgħejjuna biex iwettqu inizjattivi ambjentali.
Intenni l-appoġġ kollu tal-Gvern Ċentrali għall-inzjattivi kollha li l-Kunsilli qegħdin jieħdu b’risq il-lokalitajiet tagħhom partikolarment fl-oqsma li għandhom x’jaqsmu mat-turiżmu. Nixtieq inheġġeġ lill-Kunsilli sabiex jieħdu aktar inizjattivi sabiex itejbu l-prodott turistiku tal-gżira. Hemm ukoll proġetti li jkunu ffinanzjati in parti mill-Unjoni Ewropea għal dan il-għan.
Jien infurmat li hemm erbatax-il Kunsill li bdew jaħdmu, jew issottomettew proposti għal proġetti ta’ l-Unjoni Ewropa li għadhom x’jaqsmu direttament jew indirettament mat-turiżmu. Dawn il-proġetti jinkludu rijabilitazzjoni u promozzjoni ta’ siti storiċi, promozzjoni ta’ folklor lokali, żvilupp ta’ turiżmu reliġjuż, kreattiv u ekoturiżmu. Minn qalbi nifraħ lill-Kunsilli li ħadu dawn l-inizjattivi u nħeġġeġ lill-Kunsilli l-oħra biex jimxu fuq dawn l-eżempji.
Din l-attività qed issir ġimgħatejn biss qabel l-elezzjonijiet ta’ terz tal-Kunsilli Lokali li se jsiru fl-10 ta’ Marzu li ġej. Dan se jkun eżerċizzju ieħor fid-demokrazija lokali, fenomenu li f’pajjiżna ilu magħna kważi ħmistax-il sena. B’sodisfazzjon wieħed jinnota li l-Kunsilli Lokali infushom u r-rwol li għandhom għall-iżvilupp tal-lokalitajiet iżda wkoll għall-iżvilupp demokratiku ta’ pajjiżna, m’għadux suġġett ta’ kontroversja poltika iżda hemm qbil unanimu dwaru.
Jiena persważ li la jgħaddi d-deni elettorali, il-Kunsilliera l-ġodda li jiġu eletti se jixħtu l-enerġija kollha tagħhom fuq xogħol fejjiedi b’risq il-lokalità. Huwa dan is-sentiment ta’ għaqda li jeżisti fil-Kunsilli Lokali, għaqda bbażata fuq imħabba lejn il-lokalità rispettiva, li huwa kruċjali biex il-Kunsilli jkomplu jiżvluppaw. L-għaqda fil-Kunsill hija fundamentali wkoll biex in-nies ikollhom fiduċja fikom. Il-fiduċja tinkiseb billi kull Kunsill juri li hu magħqud u li kapaċi joffri tmexxija soda u konsistenti. Dan ma jfissirx li fi ħdan organizzazzjoni kumplessa bħal ma hi Kunsill Lokali ma jkux hemm problemi u differenzi li xi minn daqqiet ikunu diffiċli li jissolvew. Izda l-impenn ta’ kull Kunsill lejn il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini li jservi għandu jkun ’il fuq minn kull differenza li tista’ tinħoloq.
Nirringrazzjakom ta’ l-istedina biex nindirizza din il-konferenza u nawgura li jkollkom laqgħa utli li tħalli r-riżultati mixtieqa.
DOI 25.02.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959