MARATONA TATTIRA 400 ATLETA BARRANIN
Il-BMW Malta Marathon u Half Marathon din is-sena daħlet fit-22 edizzjoni tagħha. Il-maratona tinżamm kull sena u mhux biss saret parti mil-kalendarju ta’ attivitajiet sportivi f’Malta iżda hi wkoll attrazzjoni turistika għaliex jikkompetu fiha atleti minn diversi pajjiżi – l-aktar mir-Renju Unit u l-Ġermanja.
Din is-sena ser jipparteċipaw fil-BMWMalta Marathon flimkien mal-Malta Half Marathon, 860 atleta li madwar 400 minnhom huma barranin li jżuru pajjiżna sew biex jikkompetu kif ukoll biex igawdu l-klima sabiħa u sħuna ta’ pajjiżna.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, meta fix-Xatt tas-Sliema ppreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa tal-BMW Malta Marathon u l-Malta Half Marathon, qal li s-suċċess ta’ din l-attivita’ joħroġ mill-fatt li ilha tiġi organizzata 22 sena u li matulhom kibret u saret dejjem aktar popolari mal-Maltin u l-barranin.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern kien jappoġġja l-isports għaliex kien jemmen li dan iżomm liż-żgħażagħ f’saħħithom. Hu qal li l-appoġġ lejn l-isports għandu wkoll rabta mas-settur turistiku għaliex waħda min-niċeċ turistiċi l-aktar importanti ta’ pajjiżna hi n-niċċa ta’ l-isport.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura qal li l-isports jattira lejn pajjiżna qrib id-90,000 viżitatur, il-maġġoranza taghhom – madwar 50,000 – jiġu biex jgħoddsu fl-ibħra ta’ madwar Malta. Il-Ministru Zammit Dimech qal li l-Gvern kien qed jagħmel min kollox biex ikabbar din in-niċċa sew għaliex il-klima tagħna hi waħda tajba u tħajjar lil min jiġi fostna għal kampijiet tax-xitwa, sew għaliex illum għandna l-infrastruttura u l-impjanti sportivi meħtieġa kif ukoll għaliex il-qagħda strateġika ta’ pajjiżna tagħtina vantaġġ fuq pajjiżi oħra.
Il-Ministru Zammit Dimech hawnhekk fakkar fil-kamp tax-xitwa li għamlu il-club tal-football Taljan Milan FC f’Malta. Il-Ministru Zammit Dimech qal li attivitajiet bħal din minbarra li joffru opportunita’ unika lill-partitarji ta’ timijiet kbar, jikkontribwixxu wkoll ekonomikament għal pajjiżna.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li llum pajjiżna sar ċentru mill-aktar imfittex għad-diving u għall-yachting. Hu qal li pajjiżna jitfittex ukoll għal training camps fl-atletika, il-polo, il-waterpolo u r-roti. Hu qal li dan l-aħħar Malta bdiet issir ukoll popolari ma’ dawk li jorganizzaw tigrijiet taż-żwiemel. Hu qal li pajjiżna jista’ jospita diversi dixxiplini sportivi l-aktar fi żmien meta fl-Ewropa ta’ Fuq tkun il-kesħa u ma jkunx jista’ jsir taħriġ.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura irringrazzja lill-organizatturi tal-BMW Malta Marathon u Malta Half Marathon għall-ħidma tagħhom biex dawn it-tiġrijiet jiġu organizzati. Irringrazzja wkoll lill-isponsors u b’mod speċjali lill-Awtorita’ tat-Turiżmu ta’ Malta għall-appoġġ li jagħtu lill-organizatturi. Fl-aħħarnett il-Ministru Zammit Dimech irringrazzja lill-kompetituri kollha li pparteċipaw filwaqt li sellem lill-parteċipanti barranin u awguralhom li tul iż-żjara tagħhom f’Malta jiddedikaw ftit ħin biex jaraw pajjiżna x’joffri f’dik li hi storja u kultura.
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959