Left arrow Mur Lura

FTUĦ MILL-ĠDID TAL-KNISJA DDEDIKATA LILL-QALB IMQADDSA TA’ ĠESU FIR-RESIDENZA SAN VINĊENZ DE PAUL

PR0265
Date Icon 23/02/2007

Il-President ta’ Malta u s-Sinjura Fenech Adami flimkien ma’ l-Onor. Louis Deguara u l-Onor. Helen D`Amato attendew għall-Quddiesa Konċelebrata mill-E.T. Mgr. Paul Cremona, Arċisqof ta’ Malta f’l-okkażjoni tal-Ftuħ mill-ġdid tal-Knisja ddedikata lill-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesu. 

Wara ngħata kunċert mużikali minn Banda mlaqqa’ apposta minn fost ħaddiema tar-Residenza San Vinċenz De Paul u l-ħbieb tagħhom, taħt id-Direzzjoni tas-Surmast Charles Pace u l-Kor Cantate Domino, mill-Parroċċa taż-Żurrieq, bil-parteċipazzjoni tat-Tenuri Joseph Aquilina u Vincent Farrugia, s-Soprana Catherine Frances Farrugia u l-kantanta Yorika Attard. Is-serata ġiet immexxijja minn Josephine Zammit.   

Preżenti għal din l-attivita’ kien hemm ukoll s-Sinjura Kate Gonzi, u l-ex Segretarji Parlamentari għall-Anzjani Prof. Rizzo Naudi u l-Onor. Antoine Mifsud Bonnici.    

Il-Knisja tal-Qalb Imqaddsa ta’ Gesu sarilha restawr estensiv kemm fuq barra kif ukoll fuq ġewwa. Dan ir-restawr jagħmel parti minn proġett ikbar li ġie inawgurat f’Settembru 2006. Dan il-proġett kien jikkonsisti fil-Blokk il-ġdid Mother Teresa, li nbena minflok is-swali tan-nisa 1, 2, 3, 4. u l-Blokk Padre Piju li ġie nawgurat tliet snin ilu. Flimkien miegħu sar ukoll pavimentar ġdid fil-pjazza li tgħaqqad il-Blokk Patri Piju mal-blokk Mother Teresa. Dan il-proġett sar b’investiment ta’ madwar Lm 4 miljun (€9,317,493). Ir-restawr fuq din il-Knisja ġie jiswa madwar Lm220,000 (€512,462). Din il-knisja hija aċċesibbli minn ġewwa s-swali u tista’ tilqa fiha sa 600 ruħ permezz ta’ żewġ pontijiet imsaqqfa. Permezz tat-teknoloġija moderna li ġiet instalata fis-swali l-ġodda r-residenti jistgħu jsegwu l-quddies mis-swali tagħhom stess.  

Fl-ippjannar tal-kumplessi Patri Piju u Mother Theresa ngħatat attenzjoni partikulari biex l-anzjani barra li jħossuhom f’ambjent komdu jkunu wkoll f’ambjent li jixbaħ ferm dak tal-komunità minn fejn ikunu ġew.  Fil-kuntest ta’ dan l-ambjent, il-kappella li tiddomina il-pjazza bejn dawn iż-żewġ kumplessi għandha tifsira speċjali.  Barra s-sinifikat reliġjuż li ħafna anzjani jikkunsidraw bħala parti integrali mill-mod kif jgħixu, din il-knisja dominanti fuq il-bini tal-madwar tfakkrek f’raħal tipikament Malti mibni madwar il-Knisja.   

F’din il-Knisja wieħed isib kwadru tal-Madonna tal-Bambin, xogħol il-pittur magħruf Solimena.  

Il-bini ta’ kappella f’ San Vinċenz kien parti mill-pjanijiet għall-bini ta’ dar għall-fqar. Il-proposta tal-bini ta’ din id-dar u l-kappella kienet saret fl-1861 flimkien mal-proposta li jinbena t-Teatru Rjal. Iżda waqt li t-tejatru nbena b’nefqa ta’ 75,000 sterlina, id-dar għall-fqar baqgħet ma nbnietx. Kellhom jgħaddu iktar minn għoxrin sena biex fl-1885, wara ħafna tgergir mill-Maltin, ittieħdet id-deċiżjoni li dan il-proġett jinbeda.  

Waqt li d-dar għall-fqar tlestiet fl-1893, jidher li l-bini tal-kappella ma bediex qabel 1900. Barra minn hekk, il-kostruzzjoni tagħha damet għaddejja għal kważi għaxar snin sħaħ.  

Il-kappella kienet tbierket fis-seba’ ta’ Lulju, 1910 mill-Arċisqof ta’ Malta, Pietro Pace.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow