KUNĊERT MINN JOSÉ CARRERAS
José Carreras twieled f’Barċellona fl-1946. Minn żgħir wera interess fil-mużika wara li ta’ sitt snin ra lil Mario Lanza fil-film “The Great Caruso”. Ta’ tmien snin ta l-ewwel dehra pubblika tiegħu fuq ir-radju nazzjonali Spanjol. Kien ukoll f’dak iż-żmien li beda jistudja l-pjanu. Ta’ 17-il sena beda jieħu lezzjonijiet tal-vuċi taħt Jaime Francisco Puig fil-Conservatorio Superior de Musica del Liceo f’Barċellona.
Carreras għamel id-debutt tiegħu ta’ 18-il sena bħala Fulvio fl-opra Norma ta’ Giuseppe Verdi. Fl-1971 rebaħ l-Internatiomal Verdi Lyrical Song Contest f’Parma. Hu ddebutta f’Londra fl-1971. Fl-1976 kien mistieden minn Herbert von Karajan biex jidher fil-festivals tas-Sajf u x-Xitwa f’Salzburg. Hu irrekordja taħt id-direzzjoni ta’ Herbert von Karajan, inkluż ir-Requiem ta’ Giuseppe Verdi. Irrekordja wkoll “The West Side Story” ma’ Leonard Bernstein.
Fis-snin 70 u 80 Carreras kanta bħala t-tenur ewlieni f’24-il opera differenti. Bejn l-1964 u l-1987 kellu ’l fuq minn 60 rwol u kanta aktar min 1,000 parti f’opri, kunċerti, recordings u festival recitals.
Fl-1987 Carreras instab li kellu l-leukemia u ftit ingħata ċans li jgħix. Għal sena sħiħa ngħata l-kura kollha meħtieġa u għamel autologus bone marrow transplant f’Seattle.
Carreras reġa’ beda jkanta u ngħata merħba kbira minn 150,000 waqt wirja għall-apert f’Barċellona. Fl-1990 flimkien ma’ Placido Domingo u Luciano Pavarotti kanta fil-ftuħ tat-Tazza tad-Dinja. It-tliet tenuri flimkien għamlu diversi wirjiet oħra.
Fl-1988 José Carreras waqaaf il-‘José Carreras International Leukaemia Foundation’ biex jiġbor fondi bħala appoġġ għal stħarriġ dwar il-marda tal-leukemia.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura Francis Zammit Dimech, li nieda l-kunċert li José Carreras ser jagħmel f’Malta fit-8 ta’ Ġunju, qal li kien ta’ unur għal pajjiżna li jilqa’ fostna tenur ta’ fama internazzjonali li wera bil-fatti li fejn hemm ir-rieda kapaċi tirbaħ kwalunkwe battalja. Hu qal li Carreras kien meqjus li ftit kellu żmien quddiemu meta ġie attakkat mill-marda tal-leukemia, iżda kien kapaċi jirreżisti, jagħmel il-kura u ħareġ f’saħħtu daqs qabel.
Il-Ministru Zammit Dimech żied igħid li kien ta’ sodisfazzjon kbir għalih li, bħalma sar għall-kunċert ta’ Andrea Bocelli f’Malta, José Carreras se jkun akkompanjat mill-Orkestra Nazzjonali tagħna. L-Orkestra Nazzjonali, li taqa’ taħt il-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura. għamlet fis-snin li għaddew passi ta’ ġgant ’il quddiem. Hu ta’ sodisfazzjon li ser tipparteċipa wkoll il-kantanta Maltija Lydia Caruana li diġa’ tat prova tal-kapaċita’ tagħha meta kantat flimkien ma’ Andrea Bocelli.
Il-Ministru Zammit Dimech qal li pajjiżna sar destinazzjoni turistika orjentata lejn avvenimenti ta’ kalibru. Hu qal li minbarra d-diversi attivitajiet fuq skala internazzjonali u attivitajiet tal-massa li kienu qed jiġu organizzati mill-Ministeru tiegħu u aġenziji li jagħmlu parti minn dan il-Ministeru, is-settur privat kien qed iġib f’pajjiżna kantanti importanti fix-xena internazzjonali bħal Marco Masini, Andrea Bocelli, Amadeo Minghi, Sting, Roger Waters u l-Alan Parson Project.
Il-Ministru għat-Turiżmu u Kultura awgura lill-poplu Malti li jieħu l-opportunita’ li jisma’ tenur ta’ fama hekk kbira filwaqt li tenna ċ-ċertezza tiegħu li kunċerti bħal dawn kienu jiġbdu lejn pajjiżna turisti li huma attirati minn attivitajiet ta’ livell kulturali għoli.
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959