Is-settur tas-Sajd dejjem irċeva għajnuna finanzjarja kbira mill-Gvern preżenti
“Il-ħsieb primarju tal-Gvern hu, li jkun sensittiv lejn is-sajjieda u l-għejxien tagħhom”. Dan qalu l-Onor. Francis Agius, Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd, meta dalgħodu qassam għajnuna finanzjarja lil numru ta’ sajjieda.
Is-settur tas-Sajd dejjem ra għajnuna finanzjarja kbira minn dan il-gvern. Din l-għajnuna dejjem kient għajnuna sostanzjali għax verament nemmnu li tassew hemm futur għal dan is-settur.
Dr Agius fakkar illi l-programm ta’ l-għajnuna ghall-bastiment tas-Sajd infetaħ f’Lulju 2002 u kien stmat li ser jiswa madwar Lm 2.6 miljuni. Ma’ dan il-programm ta’ għajnuna hemm 181-il kuntratt, li huma finalizzati u dawn swew Lm 1.78 miljuni. Bil-ħlasijiet tal-lum ser isiru 26 pagament ieħor u b’hekk jiġu ffinalizzati 25 kuntratt ieħor biex iwasslu t-total għal 206 kuntratt b’nefqa totali ta’ Lm 1.804 miljuni.
Il-programm għadu għaddej u għalhekk kif ikun possibbli ser jitkomplew il-ħlasijiet tal-kuntratti pendenti. Immedjatament ser jiġu proċessati 14-il pagament ieħor li jammontaw għal aktar minn Lm50,000. Wara dawn ikomplu jiġu proċessati pagamenti oħra.
Dr Agius qal li minn naħa l-oħra, dak li kien wiegħed il-gvern li s-sajjieda ser jibbenefikaw minn fondi ta’ l-Unjoni Ewropea, seħħ u huwa realta’.
Ġie spjegat kif il-programm Ewropew ta’ l-Istrument Finanzjarju għall-Gwida tas-Sajd (FIFG) 2004-2006 jinvolvi kważi Lm 1.5 miljun liri Maltin ta’ fondi.
Ġie spjegat li minn dawn il-fondi sa issa tħallsu,
· Lm66,000 fuq Tiġdid tal-Flotta għal bdil ta’ bastiment wieħed;
· Lm148,731 fuq Aġġustament ta’ l-Isforz tas-Sajd (Scrapping) għal tliet bastimenti;
· Lm 30,000 għal proġett f’akwakultura;
· Lm 13,115 fuq sitt applikazjoniniet ta’ l-immodernizzar
· Lm 6,686 fi proġetti ta’ Marketing and Processing.
Barra minn dawn l-istess fondi qiegħed issir il-proġett tal-Ponta tal-Qrejten f’Marsaxlokk. Din il-Hard Standing Facility tinvolvi wkoll ix-xiri ta’ żewġ krejnijiet apposta sabiex jittellgħu l-bastimenti mill-baħar.
Dan il-proġett huwa stmat li ser jiswa madwar zewġ miljun ewro, 75% ser jitħallsu mill-Unjoni Ewropea u 25% ser jitħallsu mill-gvern Malti. Sa issa tħallsu Lm368,256 fuq dan il-proġett. Dr Agius qal li din hi wegħda oħra li dan il-gvern żamm mas-sajjieda tagħna u għalhekk juri kif bil-fatti qed ngħinu lis-settur tas-Sajd.
Dan juri ċar li l-fondi ta’ l-Unjoni Ewropea waslu u qed igawdu minnhom kemm numru ta’ sajjieda fuq bażi individwali kif ukoll is-settur kollu minħabba l-proġetti ta’ benefiċċju għal kulħadd bħal m’huma l-iżvilupp ta’ l-iskall. Tajjeb li ngħid li s-settur tas-Sajd qatt ma’ ra għajnuna ta’ Lm 1.5 miljun f’sentejn barra l-għajnuna ta’ l-iskema li qed imqassmu llum. Ta’ min niftakru wkoll li l-perjodu li ġej 2007 sa 2013 il-Fond Ewropej Għas-Sajd ipprogramma 8.4 miljuni ewro ta’ fondi Ewropej għas-settur tas-sajd Malti.
Dr Agius tkellem fuq il-kisba li għamlu s-sajjieda Maltin dan l-aħħar fuq il-kwoti tat-Tonn. Dr Agius qal li l-gvern kien minn ta’ quddiem biex jiddefendi l-interessi tas-sajjieda għax dejjem emmen li s-sajjieda Maltin jipprattikaw sajd tradizzjonali kif ukoll li jkun ikkunsidrat id-daqs tal-flotta Maltija tas-sajd. Dan il-pjan għandu l-għan li jassigura stocks sostenibbli ta’ Tonn fis-snin li ġejjin.
Il-proposta dwar il-kwota allokata lil Malta ta’ 355 tunnellata, li saret fi tmiem il-laqgħa tal-Ġappun tagħti l-possibilita’ ta’ żieda żgħira fl-allokazzjoni fuq dak li pajjiżna kellu sa’ llum. Dawn l-allokazzjonijiet proposti għadhom iridu jkunu diskussi u approvati mill-Kunsill tal-Ministri tas-Sajd ta’ l-Unjoni Ewropea. Dr Francis Agius, qal li għal darb’ oħra dan jikkonferma l-impenn tal-Gvern fis-settur lokali tas-sajd biex sajjieda Maltin u Għawdxin ikunu kompetittivi ma’ sħabhom oħra Ewropej u biex l-industrija tas-sajd tkun iktar sostenibbli, temm jgħid Dr Agius.
DOI – 15.02.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959