Inizjattiva ġdida ta’ ‘Equity Sharing’
Il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, l-Onor. Dolores Cristina, flimkien maċ-Chairman ta’ l-Awtorità tad-Djar, is-Sinjura Marisa Micallef, ħabbru inizjattiva ġdida biex tgħin lill-ewwel xerrejja jixtru r-residenza tagħhom.
L-Awtorità tad-Djar qed talloka Lm2 miljuni għas-sena finanzjarja 2006/2007 biex tgħin lil koppji għarajjes jew familji bit-tfal li jixtiequ jixtru l-ewwel residenza tagħhom mis-settur privat. Huwa l-għan ta’ l-Awtorità tad-Djar li tgħin lil dawk li jixtiequ jsiru sidien ta’ djarhom. Din l-inizjattiva hija mmirata għal dawk l-applikanti li ma jifilħux jixtru l-ewwel residenza tagħhom mingħajr l-għajnuna ta’ l-Awtorità tad-Djar.
Fid-diskors tagħha waqt il-konferenza ta’ l-aħbarijiet, il-Ministru Cristina rrimarkat li dan kien pass konkret ieħor li l-Gvern qed jieħu sabiex jilħaq b’mod aħjar il-bżonnijiet tal-familji Maltin. “Minn dejjem dan il-Gvern wera’ l-impenn tiegħu lejn is-socjetà Maltija billi ħoloq strutturi, politika, legislazzjoni u miżuri bil-għan li jsaħħu l-fundamenti tas-soċjetà tagħna, il-familji tagħna. L-iskemi varji li toffri l-Awtorità tad- Djar, kif ukoll l-akkomodażżjoni soċjali provduta mid-Dipartiment ta’ l-Akkomodazzjoni Soċjali, dejjem jippruvaw jidentifikaw dawk l-oqsma li jirrikjedu assistenza u attenzjoni,” kompliet tgħid il-Ministru Cristina.
“B’din l-inizjattiva qegħdin ukoll naraw mod ġdid kif il-Gvern qed jgħin lin-nies saħansitra fis-settur privat. Bħal ma’ l-iskema tax-Shared Ownership kienet ta’ suċċess kbir is-sena l-oħra, m’għandi l-ebda dubju li r-rispons tal-pubbliku lejn din l-iskema l-ġdida ser ikun qawwi”. Il-Ministru Cristina għamlet ukoll referenza għall-impenn tal-Gvern fis-settur kollu tal-Housing, u enfażizzat fuq il-fatt li l-Ministeru u d-dipartimenti kollha konċernati qed jaħdmu flimkien b’mod konkrett bil-għan li jkollna żviluppi sodi fil-proviżjoni tad-djar u fi skemi, kif ukoll investiment ta’ madwar Lm 10.5 miljun bejn 1998 u 2010 għal xogħlijiet ta’ landscaping f’housing estates.
Fil-kumment tagħha dwar din l-inizjattiva l-ġdida li qed tniedi l-Awtorità tad-Djar, Marisa Micallef qalet li “l-Awtorità tad-Djar tagħraf bis-sħiħ li ħafna żgħażagħ u aspiranti familji żgħażagħ, jixtiequ jkollhom l-opportunità li jsiru sidien ta’ djarhom. Din l-inizjattiva hija mmirata li tilħaq lil dawk il-koppji, familji jew persuni waħedhom li ma jistgħux jisselfu biżżejjed biex jilħqu l-prezz medju, ħalli jixtru l-ewwel residenza. Aħna żidna wkoll il-persentaġġ ta’ fondi għal nies waħedhom ’il fuq minn 30 sena. Dan għaliex aħna ngħarfu li familji bi dħul wieħed jew persuni waħedhom, qegħdin isibuha diffiċli biex ikollhom aċċess għal xiri ta’ proprjetà biex ikunu sidien ta’ djarhom. Din l-iskema hi riżultat ta’ xhur ta’ riċerka u xogħol siewi, iżda hu mportanti li naċċennaw li dan il-proġett għadu f’fażi inizjali biex naraw jekk, flimkien mal-mudell tradizzjonali tagħna tax-Shared Ownership, jista’ jgħin iktar lil dawk li jixtiequ jkunu sidien ta’ djarhom. Huwa importanti wkoll li nsemmu li qegħdin noffru aktar għajnuna finanzjarja (Lm10,000 minflok Lm7,000) lil dawk li jixtru residenza li diġà teżisti minflok li jixtru proprjetà ġebel u saqaf. B’dan il-mod aħna qegħdin ninkoraġġixxu lix-xerrejja li ser jixtru l-ewwel residenza tagħhom, biex jixtru - meta hu possibli - djar eżistenti minflok bini ġdid.”
Din l-inizjattiva l-ġdida ta’ ‘Equity Sharing’ taħdem billi l-Awtorità tad-Djar tiffinanzja jew tiggarantixxi sa Lm7,000 għal xiri ta’ l-ewwel residenza ġebel u saqaf, u sa Lm10,000 għal xiri ta’ l-ewwel residenza kompluta. B’hekk l-Awtorità tad-Djar issir parti mis-sid ta’ l-istess residenza.
Il-benefiċjarji m’humiex obbligati jixtru lura l-investiment li tkun għamlet l-Awtorità tad-Djar qabel 10 snin mid-data tal-kuntratt tal-bejgħ. Wara dan il-perjodu, l-Awtorità tad-Djar tkun tista’ tiġbor l-informazzjoni meħtieġa sabiex tivverifika jekk l-applikanti jkunux f’pożizzjoni li jħallsu lura jew jieħdu self ieħor biex jixtru s-sehem li jkollha l-Awtorità fir-residenza tagħhom.
Applikazzjonijiet għal xiri ta’ proprjetà b’valur li ma jkunx jaqbeż il-Lm50,000 se jingħataw preferenza u jiġu proċessati minn ta’ l-ewwel. L-applikanti ma jridux ikunu jippossedu assi kapitali ta’ aktar minn Lm15,000. Id-dħul annwali ta’ persuni waħedhom ma jridx jaqbeż l-Lm10,000 filwaqt li ta’ koppji ma jridx jaqbeż it-Lm12,000. Meta nanalizzaw id-dħul annwali ta’ koppja, l-għola dħul jiġi kkunsidrat kollu, iżda terz biss tad-dħul ta’ l-applikant li jaqla’ l-inqas, jiġi kkalkolat.
Familji bit-tfal u koppji għarajjes li għandhom ’l fuq minn 21 sena jistgħu jibbenefikaw minn din l-iskema. Persuni waħedhom, persuni romol u persuni separati li ma jkollhomx tfal jgħixu magħhom il-ħin kollu wkoll jistgħu jibbenefikaw. Dawn ta’ l-aħħar irid ikollhom ’l fuq minn 30 sena. Persuni waħedhom li kienu jgħixu għal perjodu ta’ żmien f’faċiliitajiet residenzjali u ħarġu biex jgħixu ħajja aktar indipendenti, wkoll jistgħu japplikaw jekk ikollhom iktar minn 18-il sena.
Aktar informazzjoni tista’ tinġabar mill-Banek HSBC, BOV u APS., kif ukoll mis-sezzjoni ta’ l-Iskemi ta’ l-Awtorità tad-Djar fuq in-numri tat-telefon 21227675, 21227679 u 21248736.
DOI – 14.02.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959