Festival Kulturali f’Għawdex f’Marzu
Bil-għan li jissaħħaħ it-turiżmu kulturali għal Għawdex f’wieħed mill-istaġuni l-inqas popolari, il-Kunsill Lokali ta’ l-Għarb b’kollaborazzjoni tal-Ministeru għal Għawdex ser jorganizza festival kulturali mifrux fuq tlett ijiem f’Marzu. Dan ġie mħabbar dalgħodu waqt konferenza ta’ l-aħbarijiet mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex u minn David Apap, Sindku ta’ l-Għarb.
Seħer il-Punent huwa l-isem ta’ festival kulturali bil-għan li jqanqal interess dwar il-karatteristiċi partikulari tar-raħal pittoresk ta’ l-Għarb. Il-pjazza tar-raħal ser tkun il-punt fokali ta’ dan il-festival fejn ser jittellgħu diversi kunċerti u attivitajiet oħra popolari. Postijiet ta’ interess madwar ir-raħal, fosthom knejjes, kappelli fil-kampanja, mużewijiet u siti storiċi kif ukoll Wied il-Mielaħ, huma nklużi fil-programm ta’ attivitajiet b’tours speċjali organizzati f’dawn l-inħawi. Il-baned lokali u gruppi mużikali, flimkien ma’ personalitajiet lokali, logħob tan-nar u ikel u mużika tipiċi ser ikunu fost l-ingredjenti li mistennija jiġbdu għadd ta’ nies lejn dan ir-raħal Għawdxi. Ma tonqosx l-infiorata li llum qiegħda ssir parti essenzjali mill-mod ta’ ċelebrazzjoni ta’ dan ir-raħal.
Il-Ministru Debono qalet li Għawdex qiegħed bil-mod il-mod jikseb reputazzjoni għal attivitajiet kulturali li jittellgħu u li jattiraw turiżmu intern u barrani lejn il-gżira, fosthom l-opri liriċi li jinżammu kull sena miż-żewġ teatri ewlenin tal-belt Victoria fil-ħarifa, u l-jiem tal-Karnival fix-xitwa. Hija qalet li l-attivitajiet kulturali organizzati f’Għawdex jistgħu jkunu niċċa turistika oħra li tattira iktar viżitaturi jagħżlu lil Għawdex fl-istaġuni l-inqas popolari, u attivitajiet bħal Seħer il-Punent jistgħu jħallu mpatt dirett fuq l-istaġjonalita’ tal-gżira bħala destinazzjoni turistika.
Dwar l-istaġjonalita’, il-Ministru Debono fakkret li fid-diskors tal-Budget li għadda l-Prim Ministru ħabbar tnaqqis ta’ 25% fil-ħlas tal-liċenzja għall-istabilimenti tal-catering li joperaw minn Għawdex, filwaqt li l-kumpanija Gozo Channel u stabbilimenti turistiċi oħra f’Għawdex nedew skemi li jippromwovu l-ivvjaġġar b’xejn lejn Għawdex. Il-Ministru Debono fakkret fit-tnedija ta’ magazine l-ġimgħa li għaddiet li jippromwovi btajjel f’Għawdex fost is-suq domestiku filwaqt li qalet li fil-jiem li ġejjin il-Gvern ser ikun qiegħed iħabbar iktar inizjattivi bil-għan li jippromwovi iktar it-turiżmu intern lejn Għawdex fi żmenijiet partikolari tas-sena.
Il-festival kulturali Seħer il-Punent ser jinżamm fl-Għarb bejn il-Ġimgħa u l-Ħadd, 16 u 18 ta’ Marzu 2007.
DOI - 14.02.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959