Left arrow Mur Lura

Kors ta’ taħriġ għall-ħaddiema fil-qasam soċjali f’Għawdex

PR0192
Date Icon 14/02/2007

F’Għawdex ġie inawgurat kors bażiku ta’ tlett ijiem immirat għal dawk il-ħaddiema li bħalissa qegħdin jaħdmu fil-qasam soċjali mill-Onor. Giovanna Debono, Ministru għal Għawdex, il-bieraħ filgħodu. Il-ħaddiema f’dan il-qasam f’Għawdex jinkludu wkoll tliet ħaddiema ġodda. Dan il-kors, li qed isir fiċ-Ċentru tal-Moviment Azzjoni Soċjali f’Għajnsielem, qiegħed jiġi mmexxi mis-Sinjura Carmen Zammit, Konsulenta tal-Ministeru għal-Għawdex, bl-għajnuna tas-Sinjura Mary Cachia, Social Worker.

Is-Social Work Unit, fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex, toffri s-servizzi tagħha lill-individwi u familji li jeħtieġu għajnuna soċjali, bħal dawk li jsofru minn problemi relatati ma’ l-abbuż tad-droga, problemi ta’ saħħa mentali, koppji li għaddejjin minn diffikultajiet fiż-żwieġ tagħhom kif ukoll anzjani li għandhom bżonn l-għajnuna. 

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru Debono saħqet dwar l-fatt li inizjattivi bħal dawn jibqgħu jiġu mogħtija mportanza biex b’hekk il-qasam tal-għajnuna soċjali f’Għawdex ikun sostnut u żviluppat. Hi qalet ukoll li dan it-taħriġ, minn barra li jservi bħala esperjenza edukattiva għal dawn il-ħaddiema, jipprovdilhom ukoll gwidi ċari li jgħinuhom biex jagħtu servizz ta’ kwalita’ għolja waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. 

Il-Ministru Debono kompliet billi rreferiet għall-qagħda preżenti tas-soċjeta’ moderna li kull ma’ jmur qiegħda tiffaċċja numru akbar ta’ sitwazzjonijiet diffiċli li jkunu jeħtieġu l-intervent tal-ħaddiema f’dan il-qasam. Il-bżonn ta’ dan il-kors inħass ukoll bħala riżultat ta’ l-iżvilupp li seħħ fil-qasam tas-social work f’Malta dan l-aħħar, bir-rikonoxximent tiegħu bħala professjoni permezz ta’ Att li jirregola dan il-qasam u li jirrikonoxxih bħala professjoni, filwaqt li jirregolah b’mod aktar strett. 

Wieħed mill-punti ewlenin li ser jiġu diskussi aktar fid-dettal matul dan il-kors huwa l-Manwal tal-Proċeduri, li ġie mfassal fuq il-bżonnijiet ġodda u ż-żieda tal-ħaddiema f’dan il-qasam f’Għawdex. Bħala riżultat ta’ l-aħħar sejħa għall-applikazzjonijiet, in-numru ta’ social workers li jipprattikaw fis-settur pubbliku f’Għawdex issa huwa disgħa. Dawn joffru s-servizzi tagħhom skond l-esiġenzi li jinħolqu fl-oqsma ta’ l-edukazzjoni, tas-saħħa, fil-Qorti kif ukoll fis-Social Work Unit fejn jiġi mogħti servizz ġenerali f’dan il-qasam. 

Il-Ministru Debono temmet id-diskors tagħha billi rringrazzjat lill-ħaddiema li jaħdmu f’dan il-qasam għad-dedikazzjoni tagħhom, waqt li awgurat li jieħdu l-opportunita’ ta’ dan il-kors biex jingħaqdu bejniethom u b’hekk jaqdu d-dmirijiet tal-vokazzjoni tagħhom b’iżjed impenn, ħeġġa u attenzjoni għall-benefiċċju ta’ dawk li jiġu bżonn is-servizzi tagħhom. 

Is-Social Work Unit ikun miftuħ kuljum mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7.15 ta’ filgħodu u l-4.45 ta’ wara nofsinhar fix-xitwa u bejn is-7.00 ta’ filgħodu u s-1.00 ta’ wara nofsinhar fis-sajf. F’każijiet ta’ emerġenza dan l-uffiċċju joffri wkoll s-servizzi tiegħu wara l-ħinijiet tax-xogħol.

DOI - 13.02.07

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow