Left arrow Mur Lura

Bidu b’saħħtu ghal 2007: Il-Portal SAĦĦA-EU issa disponibbli bil-Malti

PR0190
Date Icon 14/02/2007

Mil-lum, Saħħa-UE huwa disponibbli bil-Malti fis-sit       http://health.europa.eu

Imniedi għall-ewwel bl-Ingliż f’Mejju 2006 mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur tal-Kummissjoni Ewropea, is-sit huwa post fejn l-Ewropej li jridu jżommu ruħhom aġġornati fuq dak li jkun qed jiġri f’firxa wiesgħa ta’ oqsma relatati mas-saħħa fil-pajjiżi tagħhom u madwar l-Ewropa, jistgħu jsibu l-informazzjoni kollha. Huwa mmirat għal kull min huwa interessat fis-saħħa, kif ukoll għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, xjenzjati u leġiżlaturi.

Ġbir ta’ informazzjoni

Il-portal jgħaqqad flimkien il-links prinċipali kollha internazzjonali u mhux governattivi (NGO), l-aħbarijiet, l-avvenimenti, il-pariri u l-għarfien minn madwar l-Ewropa u juri li l-eSaħħa fis-soċjetà tal-lum tista’ tqarreb lill-Ewropej lejn xulxin. Kemm jekk l-utent huwa mħasseb dwar ir-riskji tat-tipjip, tat-tniġġis ta’ l-arja, tal-bioterroriżmu jew bil-kwalità ta’ l-ingredjenti li jintużaw fl-ikel ta’ l-iskola tat-tfal tiegħu, il-portal jagħti aċċess sempliċi għal informazzjoni affidabbli minn profesjonisti tal-kura tas-saħħa u minn leġiżlaturi. Mill-użu ta’ l-internet sabiex jinħoloq ambjent innovattiv u dinamiku għall-eSaħħa, joħroġ l-impenn ta’ l-UE għal implimentazzjoni multlingwistika tar-riżorsi ta’ l-ICT u x-xewqa tagħha li tħaddan u tħeġġeġ l-użu ta’ teknoloġija ġdida.   

“Ikel  bnin”, “attività fiżika”, “HIV/AIDS”, “sigurtà fit-triq”, “il-kanċer” – l-ammont ta’ terminoloġija dwar is-saħħa li tibbumbardjalna ħajjitna kuljum huwa impressjonanti. Ikteb xi kliem bażiku f’magna ta' tiftix u r-riżultati ħafna drabi jħawwduk, ikunu bla struttura u mhux affidabbli. Is-sena l-oħra kważi nofs in-nies kollha ta’ l-UE użaw l-internet b’mod regolari. Fl-ewwel tliet xhur ta’ l-2006, 47% ta’ l-individwiużaw l-internet mill-anqas darba fil-ġimgħa mid-dar, mix-xogħol jew waqt vjaġġ permezz tat-teknoloġija WIFI, jew minn internet café. B’miljuni ta’ ċittadini ta’ l-UE li jużaw l-internet ta’ kuljum bħala l-mod prinċipali ta’ kif jiksbu l-informazzjoni ma tistagħgibx li għalhekk ifittxu fl-internet meta jkollhom xi tħassib fuq saħħithom, u ta’ spiss jużaw forums jew chatrooms biex jitkellmu ma’ persuni oħra onlajn fuq il-problemi tagħhom.  

Għażliet aktar b’saħħithom

Waħda mill-miri ewlenin tal-Portal hija li jgħin lin-nies ikunu iktar responsabbli fir-rigward ta’ saħħithom, li jżid l-għarfien fuq kwistjonijiet ta’ saħħa u li jipprovdi aħbarijiet fuq avvenimenti u żviluppi relatati mas-saħħa madwar l-Ewropa f’‘doża’ waħda sempliċi. Jeżistu sitt oqsma tematiċi ewlenin fil-portal li jipprovdu informazzjoni affidabbli u aċċessibbli u statistiċi fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti:

-     “Saħħti” eż. monitoraġġ tas-saħħa qabel it-twelid, in-nutrizzjoni u l-attività fiżika u  s-sigurtà fl-ikel u l-prodotti.

-     “Il-Mod kif Ngħix” eż. nutrizzjoni, alkoħol, drogi u tabakk, vjaġġi, sports u divertiment, u sess.

-     “L-Ambjent Tiegħi” eż. saħħa ambjentali u s-sigurtà tal-konsumatur, riskji fiżiċi, bijoloġiċi u kimiċi, sigurtà fit-toroq, u bioterroriżmu.

-     “Problemi ta’ Saħħa” eż. saħħa mentali, HIV/AIDS, influwenza, kanċer, mard tal-qalb u mard ieħor li ma jittieħidx.

-     “Ħu Ħsiebi” eż. is-sigurtà tal-pazjent, il-mobilità, kura fuq perijodu ta’ żmien twil, trattament, u persuni li jieħdu ħsieb pazjent.

-     “Saħħa fl-UE” eż. linji politiċi, programmi, riċerka, prevenzjoni u promozzjoni, indikaturi tas-saħħa u statistika. 

Sorsi affidabbli

Il-Kummissarju tas-Saħħa u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi Markos Kyprianou qal: “Il-Portal Saħħa-UE huwa proġett kbir ħafna li jlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri ta’ l-UE kollha kif ukoll lill-pajjiżi ta’ l-EFTA, organizzazzjonijiet internazzjonali u NGOs. Web surfers se jkollhom aċċess għal eluf ta’ links għal sorsi affidabbli. It-traduzzjoni tal-Portal fil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-UE tfisser li sa 1.5 biljun ruħ madwar id-dinja jkunu jistgħu jużawh biex jgħinhom jagħmlu għażliet aktar b’saħħithom.”

Bieb għal UE b’saħħitha

Il-viżitaturi jsibu fatti dwar l-aħħar aħbarijiet, avvenimenti, statistiċi u indikaturi tas-saħħa fuq livell Ewropew, kif ukoll leġiżlazzjonijiet u pubblikazzjonijiet relevanti għas-suġġett dwar is-saħħa li jinteressahom.  

Teżisti informazzjoni mill-aġenziji Ewropej kollha bi rwol fis-saħħa, eżempju dawk li jaħdmu fuq mard li jittieħed, il-prevenzjoni tad-droga, il-mediċini u s-saħħa fuq ix-xogħol. Sezzjoni ta’ l-Istati Membri tagħti aċċess għal linji politiċi tal-gvernijiet kollha ta’ l-UE fil-qasam tas-saħħa u relatati mas-saħħa u aktar sezzjonijiet dwar NGOs Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali jagħtu d-dettalji tax-xogħol tagħhom.  

Sfond

Il-proġett Saħħa-UE huwa inizjattiva tal-Programm Komunitarju dwar is-Saħħa Pubblika 2003-2008, b’appoġġ finanzjarju mill-Iskambju ta’ Data bejn l-Amministrazzjonijiet, li għandu l-għan li jippromovi involviment akbar tal-pubbliku, istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa. Il-Portal jikkorrespondi wkoll mal-miri tal-Pjan ta’ Azzjoni e-Europe – li jipprovdi liċ-ċittadini b’informazzjoni sempliċi, ċara u xjentifikament b’saħħitha, onlajn. 

Bord Editorjali magħmul mis-servizzi tal-Kummissjoni u mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri jissorvelja l-iżvilupp tal-kontenut tal-Portal permezz ta’ proċeduri standard. 

Informazzjoni Pan-Ewropea tal-Mezzi tax-Xandir:

Monika Wcislo, Weber Shandwick fuq +32 2 286 1265

jew mwcislo@webershandwick.com

Jeanette Drielsma, Weber Shandwick fuq +32 2 282 16 29

jew jdrielsma@webershandwick.com

Informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea:

Informazzjoni dwar is-Saħħa ta’ l-Unità C2 : Daniel Mann fuq +352 4301 33655

jew daniel.mann@cec.eu.int

Informazzjoni ta' l-Unità A4 : Melanie Dunn, Uffiċjal ta’ l-Istampa fuq +32-2-299.21.01 jew melanie.dunn@ext.cec.eu.int

DOI – 14.02.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER  The Speaker of the House of Representatives Meets Ambassadors of Guatemala, Lebanon and Vietnam

PR261959en

PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER  L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jiltaqa’ mal-Ambaxxaturi tal-Guatemala, il-Libanu u l-Vjetnam

PR261959

STQARRIJA MILL-UFFIĊĊJU TAL-ISPEAKER L-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati jil...

Aktar Stqarrijiet Right arrow