Bidu b’saħħtu ghal 2007: Il-Portal SAĦĦA-EU issa disponibbli bil-Malti
Mil-lum, Saħħa-UE huwa disponibbli bil-Malti fis-sit http://health.europa.eu
Imniedi għall-ewwel bl-Ingliż f’Mejju 2006 mid-Direttorat Ġenerali għas-Saħħa u l-Affarijiet tal-Konsumatur tal-Kummissjoni Ewropea, is-sit huwa post fejn l-Ewropej li jridu jżommu ruħhom aġġornati fuq dak li jkun qed jiġri f’firxa wiesgħa ta’ oqsma relatati mas-saħħa fil-pajjiżi tagħhom u madwar l-Ewropa, jistgħu jsibu l-informazzjoni kollha. Huwa mmirat għal kull min huwa interessat fis-saħħa, kif ukoll għall-professjonisti tal-kura tas-saħħa, xjenzjati u leġiżlaturi.
Ġbir ta’ informazzjoni
Il-portal jgħaqqad flimkien il-links prinċipali kollha internazzjonali u mhux governattivi (NGO), l-aħbarijiet, l-avvenimenti, il-pariri u l-għarfien minn madwar l-Ewropa u juri li l-eSaħħa fis-soċjetà tal-lum tista’ tqarreb lill-Ewropej lejn xulxin. Kemm jekk l-utent huwa mħasseb dwar ir-riskji tat-tipjip, tat-tniġġis ta’ l-arja, tal-bioterroriżmu jew bil-kwalità ta’ l-ingredjenti li jintużaw fl-ikel ta’ l-iskola tat-tfal tiegħu, il-portal jagħti aċċess sempliċi għal informazzjoni affidabbli minn profesjonisti tal-kura tas-saħħa u minn leġiżlaturi. Mill-użu ta’ l-internet sabiex jinħoloq ambjent innovattiv u dinamiku għall-eSaħħa, joħroġ l-impenn ta’ l-UE għal implimentazzjoni multlingwistika tar-riżorsi ta’ l-ICT u x-xewqa tagħha li tħaddan u tħeġġeġ l-użu ta’ teknoloġija ġdida.
“Ikel bnin”, “attività fiżika”, “HIV/AIDS”, “sigurtà fit-triq”, “il-kanċer” – l-ammont ta’ terminoloġija dwar is-saħħa li tibbumbardjalna ħajjitna kuljum huwa impressjonanti. Ikteb xi kliem bażiku f’magna ta' tiftix u r-riżultati ħafna drabi jħawwduk, ikunu bla struttura u mhux affidabbli. Is-sena l-oħra kważi nofs in-nies kollha ta’ l-UE użaw l-internet b’mod regolari. Fl-ewwel tliet xhur ta’ l-2006, 47% ta’ l-individwiużaw l-internet mill-anqas darba fil-ġimgħa mid-dar, mix-xogħol jew waqt vjaġġ permezz tat-teknoloġija WIFI, jew minn internet café. B’miljuni ta’ ċittadini ta’ l-UE li jużaw l-internet ta’ kuljum bħala l-mod prinċipali ta’ kif jiksbu l-informazzjoni ma tistagħgibx li għalhekk ifittxu fl-internet meta jkollhom xi tħassib fuq saħħithom, u ta’ spiss jużaw forums jew chatrooms biex jitkellmu ma’ persuni oħra onlajn fuq il-problemi tagħhom.
Għażliet aktar b’saħħithom
Waħda mill-miri ewlenin tal-Portal hija li jgħin lin-nies ikunu iktar responsabbli fir-rigward ta’ saħħithom, li jżid l-għarfien fuq kwistjonijiet ta’ saħħa u li jipprovdi aħbarijiet fuq avvenimenti u żviluppi relatati mas-saħħa madwar l-Ewropa f’‘doża’ waħda sempliċi. Jeżistu sitt oqsma tematiċi ewlenin fil-portal li jipprovdu informazzjoni affidabbli u aċċessibbli u statistiċi fuq firxa wiesgħa ta’ suġġetti:
- “Saħħti” eż. monitoraġġ tas-saħħa qabel it-twelid, in-nutrizzjoni u l-attività fiżika u s-sigurtà fl-ikel u l-prodotti.
- “Il-Mod kif Ngħix” eż. nutrizzjoni, alkoħol, drogi u tabakk, vjaġġi, sports u divertiment, u sess.
- “L-Ambjent Tiegħi” eż. saħħa ambjentali u s-sigurtà tal-konsumatur, riskji fiżiċi, bijoloġiċi u kimiċi, sigurtà fit-toroq, u bioterroriżmu.
- “Problemi ta’ Saħħa” eż. saħħa mentali, HIV/AIDS, influwenza, kanċer, mard tal-qalb u mard ieħor li ma jittieħidx.
- “Ħu Ħsiebi” eż. is-sigurtà tal-pazjent, il-mobilità, kura fuq perijodu ta’ żmien twil, trattament, u persuni li jieħdu ħsieb pazjent.
- “Saħħa fl-UE” eż. linji politiċi, programmi, riċerka, prevenzjoni u promozzjoni, indikaturi tas-saħħa u statistika.
Sorsi affidabbli
Il-Kummissarju tas-Saħħa u tal-Protezzjoni tal-Konsumaturi Markos Kyprianou qal: “Il-Portal Saħħa-UE huwa proġett kbir ħafna li jlaqqa’ flimkien lill-Istati Membri ta’ l-UE kollha kif ukoll lill-pajjiżi ta’ l-EFTA, organizzazzjonijiet internazzjonali u NGOs. Web surfers se jkollhom aċċess għal eluf ta’ links għal sorsi affidabbli. It-traduzzjoni tal-Portal fil-lingwi uffiċjali kollha ta’ l-UE tfisser li sa 1.5 biljun ruħ madwar id-dinja jkunu jistgħu jużawh biex jgħinhom jagħmlu għażliet aktar b’saħħithom.”
Bieb għal UE b’saħħitha
Il-viżitaturi jsibu fatti dwar l-aħħar aħbarijiet, avvenimenti, statistiċi u indikaturi tas-saħħa fuq livell Ewropew, kif ukoll leġiżlazzjonijiet u pubblikazzjonijiet relevanti għas-suġġett dwar is-saħħa li jinteressahom.
Teżisti informazzjoni mill-aġenziji Ewropej kollha bi rwol fis-saħħa, eżempju dawk li jaħdmu fuq mard li jittieħed, il-prevenzjoni tad-droga, il-mediċini u s-saħħa fuq ix-xogħol. Sezzjoni ta’ l-Istati Membri tagħti aċċess għal linji politiċi tal-gvernijiet kollha ta’ l-UE fil-qasam tas-saħħa u relatati mas-saħħa u aktar sezzjonijiet dwar NGOs Ewropej u organizzazzjonijiet internazzjonali jagħtu d-dettalji tax-xogħol tagħhom.
Sfond
Il-proġett Saħħa-UE huwa inizjattiva tal-Programm Komunitarju dwar is-Saħħa Pubblika 2003-2008, b’appoġġ finanzjarju mill-Iskambju ta’ Data bejn l-Amministrazzjonijiet, li għandu l-għan li jippromovi involviment akbar tal-pubbliku, istituzzjonijiet, organizzazzjonijiet u assoċjazzjonijiet fil-qasam tas-saħħa. Il-Portal jikkorrespondi wkoll mal-miri tal-Pjan ta’ Azzjoni e-Europe – li jipprovdi liċ-ċittadini b’informazzjoni sempliċi, ċara u xjentifikament b’saħħitha, onlajn.
Bord Editorjali magħmul mis-servizzi tal-Kummissjoni u mir-rappreżentanti ta’ l-Istati Membri jissorvelja l-iżvilupp tal-kontenut tal-Portal permezz ta’ proċeduri standard.
Informazzjoni Pan-Ewropea tal-Mezzi tax-Xandir:
Monika Wcislo, Weber Shandwick fuq +32 2 286 1265
jew mwcislo@webershandwick.com
Jeanette Drielsma, Weber Shandwick fuq +32 2 282 16 29
jew jdrielsma@webershandwick.com
Informazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea:
Informazzjoni dwar is-Saħħa ta’ l-Unità C2 : Daniel Mann fuq +352 4301 33655
Informazzjoni ta' l-Unità A4 : Melanie Dunn, Uffiċjal ta’ l-Istampa fuq +32-2-299.21.01 jew melanie.dunn@ext.cec.eu.int
DOI – 14.02.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959