Stqarrija FIL-PARLAMENT mill-ViĊi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern dwar Riformi Ġodda fil-qasam taċ-Ċittadinanza – 13 ta’ Frar 2007
Mr Speaker,
Bi pjaċir inħabbar bidliet importanti li l-Gvern beħsiebu jressaq fil-liġi dwar iċ-Ċittadinanza Maltija, li nittama li l-Parlament ikun jista’ jiddiskuti u japprova fil-futur qarib.
Dawn ir-riformi jolqtu prinċipalment lil persuni tat-tieni ġenerazzjoni mweldin barra minn Malta, jiġifieri dawk il-persuni mwielda barra minn Malta lil ġenituri Maltin li twieldu barra minn Malta wkoll.
Sa mill-1964 il-Kostituzzjoni u l-liġijiet tagħna dejjem illimitaw l-għoti taċ-ċittadinanza Maltija lil dawk li twieldu barra minn Malta, għall-ewwel ġenerazzjoni mwielda barra minn Malta, jiġifieri persuna ssir Maltija mat-twelid barra minn Malta, jekk u jekk biss xi ġenitur tagħha kien twieled Malta.
Persuni tat-Tieni Ġenerazzjoni Mwielda Barra minn Malta Jistgħu jsiru Ċittadini Maltin
Bi pjaċir inħabbar illi din il-limitazzjoni għat-tieni ġenerazzjoni mwielda barra minn Malta, se titneħħa. B’hekk bis-saħħa tar-riforma li se nintroduċu fix-xhur li ġejjin, anki dawk li twieldu barra minn Malta u li l-ġenituri tagħhom, għalkemm Maltin ma twieldux f’Malta, se jkunu jistgħu jakkwistaw ċittadinanza Maltija u passport Malti, jekk japplikaw.
Nieħu gost ninnota, Mr Speaker, li din hi riforma li l-emigranti Maltin, f’kontinenti differenti, ilhom jitolbu lil Gvern wara l-ieħor. Għal darb’oħra Gvern Nazzjonalista, li ntroduċa r-riformi kollha li saru mill-Indipendenza ‘l hawn fil-qasam taċ-ċittadinanza, se jerġa’ jbiddel il-liġi biex jagħti lil iktar nies ta’ nisel Malti, id-dritt li jsiru ċittadini Maltin.
Infakkar lill-Kamra li l-ewwel riformi mportanti dwar ċittadinanza ġew introdotti fl-1989. Dak in-nhar għall-ewwel darba ġiet introdotta ċ-ċittadinanza doppja għall-emigranti Maltin, li twieldu Malta, emigraw fil-pajjiż li għażlu, u li fil-maġġoranza kienu tilfu ċ-ċittadinanza Maltija malli akkwistaw in-nazzjonalita’ tal-pajjiż ta’ l-adozzjoni tagħhom.
Fis-sena 2000, bit-tieni riforma li ntroduċa Gvern Nazzjonalista, iċ-ċittadinanza doppja ma baqgħetx marbuta ma’ l-emigrazzjoni, jew mal-fatt li twelidt f’Malta; iżda ngħatat lill-persuni kollha li xi darba kellhom mat-twelid iċ-ċittadinanza Maltija u tilfuha, l-aktar meta akkwistaw dik barranija. Bl-introduzzjoni taċ-ċittadinanza doppja għal kulħadd, tneħħiet ukoll ir-regola iebsa li ż-żgħażagħ tagħna kellhom jagħżlu bejn it-18 u d-19-il sena jekk iżommux iċ-ċittadinanza Maltija jew dik barranija, u jekk ma jagħmlu xejn, jitilfu dik Maltija.
Mill-2000 sar possibbli li jkunu jistgħu jżommu t-tnejn, u sakemm dak li jkun hu ntitolat għal ċittadinanza Maltija, il-liġi ma baqgħetx tirrikjedi li ma jistax ikollok ċittadinanza oħra.
Issa b’din it-tielet riforma se nestendu ċ-ċittadinanza Maltija, favur it-tieni ġenerazzjoni mwielda barra minn Malta u ghal uliedhom, jekk ghall-inqas wiehed mill-genituri taghhom ikun eserċita d-dritt, li se jinghata, li jsir cittadin Malti.
Dawk li twieldu qabel 1964 barra minn Malta minn omm Maltija biss, mwielda f`Malta, jistghu isiru cittadini Maltin
Barra minn dan, għandi l-pjaċir ukoll inħabbar li se nestendu ċ-ċittadinanza Maltija favur dawk imwielda barra minn Malta qabel l-1964, u li missierhom hu (jew kien) barrani, u ommhom biss hi (jew kienet) Maltija. Sal-lum dawn ma kinux jitqiesu bħala ċittadini Maltin. B’effett tar-riforma preżenti li se nintroduċu fix-xhur li ġejjin, se nneħħu din l-anomalija li, jekk twelidt barra minn Malta qabel l-1964 minn missier Malti, issir Malti, iżda jekk ommok hija Maltija, ma tistax takkwista iċ-ċittadinanza ta’ Malta ħlief wara ħames snin li tiġi toqgħod Malta.
B’din ir-riforma ma nibqgħux nagħmlu differenza bejn missier u omm, basta wieħed mill-ġenituri kien sar ċittadin ta’ Malta; għalhekk dawk kollha li twieldu barra minn Malta qabel l-Indipendenza minn omm Maltija, se jkunu wkoll jistgħu jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija billi japplikaw għaliha u tingħatalhom permezz ta’ reġistrazzjoni.
Mhux hekk biss iżda bir-riforma li ħabbart aktar ‘il fuq anki t-tfal ta’ dawn il-persuni (jiġifieri t-tieni ġenerazzjoni mwielda barra minn Malta) ser ikunu jistgħu jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija permezz ta’ reġistrazzjoni.
Infakkar ukoll lill-Kamra illi għal dawk li twieldu wara l-1964 f’ċirkostanza simili, din l-anomalija kienet diġa tneħħiet bir-riformi tal-1989 u tal-2000; u ċ-ċittadinanza ta’ min jitwieled barra minn Malta ma baqgħetx tiġi trasmessa mill-missier biss, iżda wkoll mill-omm.
Ninforma wkoll lill-Kamra illi minn mindu ġew introdotti r-riformi tal-1989 u 2000, eluf ta’ persuni bbenefikaw minn dawn ir-riformi. Infatti d-Dipartiment taċ-Ċittadinanza kkonferma bil-miktub lil madwar 12,250 persuna ta’ nisel Malti li għandhom dritt ikollhom żewġ ċittadinanzi, waħda minnhom din Maltija.
Nixtieq nirringrazzja lid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza li ħadmu fuq din ir-riforma u li qed iħejju l-leġislazzjoni relattiva.
Fl-ahharnett bl-emendi li se nintroduċu se jkun possibbli wkoll illi l-konjugi ta` persuni li taw servizz eċċezzjonali lil pajjizna, jinghataw cittadinanza Maltija b`ordni, minghajr il-bzonn li jistennew ħames snin miż-żwieġ tagħhom jew li jirrisjedu f`Malta ghal ċertu zmien
Ninsab konvint li bir-riformi li se nagħmlu, l-emigranti Maltin li dejjem żammew ħajja fihom l-imħabba għal dak kollu li hu Malti, iħossu li pajjiżhom qed jirrikonoxxilhom drittijiet ġodda b’għarfien għal din ir-rabta li huma jħossu, u li dejjem żammew ħajja, barra minn xtutna.
DOI - 13.2.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959