“Il-Gvern jimpurtah li jara li s-self employed u s-sidien tan-negozji żgħar ikollhom l-aħjar żoni industrijali minn fejn jaħdmu” – IS-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo
Il-Gvern investa mat-Lm3,000,000 (€6,988,120) fi proġett li permezz tiegħu tejjeb is-servizzi infrastrutturali fiż-żoni industrijali tal-Ħandaq, Ħaż-Żebbuġ, l-Imrieħel u l-Mosta. Il-ħidma kollha li saret biex dawn iż-żoni industrijali llum għandhom is-servizzi infrastrutturali kienet taħt ir-responsabbilità tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self Employed. B’din ir-responsabbilità is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo, flimkien ma’ Vince Farrugia, Direttur Ġenerali tal-GRTU, żar il-Ħandaq Industrial Estate u ltaqa’ ma’ sidien tan-negozji fejn spjega x’inhu l-impenn tal-Gvern illum għal dawn iż-żoni industrijali.
Għaldaqstant, is-Segretarju Parlamentari qal li “il-Gvern hu impenjat li jieħu ħsieb il-manutenzjoni ta’ dawn iż-żoni, u f’dawn l-aħħar snin saret nefqa ta’ Lm400,000 (€931,749). Fost l-oħrajn, is-sena li għaddiet intefqu Lm24,000 (€55,904) f’tindif u manutenzjoni fit-toroq; Lm22,000 (€51,246) fl-installazzjoni ta’ dwal tat-toroq ġodda u manutenzjoni tad-dawl; u Lm27,000 (€62,893) f’tabelli, sinjali fit-toroq u sinjali tat-traffiku.”
L-Onor. Vassallo spjega kif is-Segretarjat Parlamentari flimkien mal-MEPA ħadmu biex il-proċess tal-ħruġ tal-liċenzi sar aktar faċli għall-persuni li jaħdmu fiż-żoni industrijali.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ta dettalji tax-xogħol li twettaq f’din iż-żona, u qal li “kull tliet xhur, għas-spejjeż tas-Segretarjat Parlamentari għan-Negozji Żgħar u s-Self-Employed, u permezz tal-Koperattiva Tabelli u Sinjali qed jinżebgħu s-sinjali tat-traffiku, sabiex iż-żona tidher aktar organizzata. Twaħħlu wkoll tliet tabelli kbar ta’ identifikazzjoni taż-żona industrijali. Minbarra dawn, twaħħlu numru ta’ tabelli oħra madwar iż-żona li għandhom informazzjoni ta’ wieħed x’għandu jagħmel f’każ ta’ emerġenza.”
Il-ħidma f’din iż-żona saret b’kordinazzjoni ma’ numru ta’ entitajiet. Flimkien mal-GRTU, twaħħlu numru ta’ tabelli sabiex ma jsirx ipparkjar ta’ trailers fi Triq il-Ħandaq, bl-għajnuna tal-Koperattiva Tabelli u Sinjali twaħħlu numru ta’ tabelli b’appelli sabiex iż-żona tinżamm nadifa. B’ħaddiema mill-PublicCleansing Department u kuntratturi privati qed jiġi offrut servizz ta’ tindif fuq bażi regolari. B’koperazzjoni sħiħa mas-sezzjoni ta’ l-ALE fil-Pulizija, saret ħidma sabiex tneħħew ma’ l-għoxrin karozza li kienu gew mitluqa f’diversi toroq taż-żona industrijali. B’konsultazzjoni ma’ l-ADT, u bis-sehem tal-Koperattiva Tabelli u Sinjali, twaħħlu tabelli f’kull triq sabiex karozzi jkunu jistgħu jipparkjaw parzjalment fuq il-bankini eżistenti, u b’hekk jagħtu aktar spazju minn fejn jgħaddi t-traffiku.
B’ħidma ma’ l-iStreet Naming Committee u l-Kunsill Lokali, ġew identifikati 11-il isem ta’ triq, twaħħlu t-tabelli, u b’hekk għall-ewwel darba, it-toroq kollha ingħataw isem. B’kordinazzjoni mal-MEPA, bdiet issir pressjoni fuq sidien li għadhom ma żviluppawx l-artijiet tagħhom, sabiex dawn itellgħu ħitan madwar l-istess artijiet sabiex jipproteguhom milli jkomplu jsiru miżbliet żgħar.
Fuq suġġeriment ta’ l-istess sidien ta’ negozji fi Triq Manuel Borg Gauci, f’dawn l-aħħar ġimgħat twaħħlu żewġ rubber humps (sleeping policeman) sabiex jitnaqqas il-periklu li kien qed jiġi kkaġunat b’sewqan eċċessiv minn sewwieqa irresponsabbli.
Is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo ta informazzjoni wkoll dwar xogħlijiet infrastrutturali li saru fiż-żona u qal li “f’dawn l-aħħar snin ġew mibnija ma’ l-erba’ kilometri ta’ bankini ġodda. B’nefqa u investiment ta’ ‘l fuq minn Lm500,000 (€1,164,686) il-Gvern ħa ħsieb li jwettaq proġett ta’ xogħlijiet infrastrutturali li kienu jikkonsistu prinċipalment f’bini mill-ġdid ta’ 11-il triq f’din iż-żona. Bħala parti minn proġett ta’ installazzjoni ta’ dawl ġdid fit-toroq ta’ żoni industrijali, b’investiment ta’ ’l fuq minn Lm25,000 (€58,234), is-Segretarjat ħa ħsieb li jwaħħal għall-ewwel darba mat-63 bozza ġdida mifruxa fuq 11-il triq.
Fit-tmiem taż-żjara fiż-żona industrijali tal-Ħandaq, l-Onor. Edwin Vassallo qal li “f’din iż-żona hawn madwar 150 negozju, li jħaddmu madwar 450 persuna, u l-Gvern jimpurtah li dawn l-450 persuna jkollhom l-aħjar post fejn jaħdmu u n-numru ta’ ħaddiema u sidien tan-negozji f’din iż-żona jkompli jiżdied.” Is-Segretarju Parlamentari Vassallo qal ukoll li “b’riżultat tax-xogħol infrastrutturali li sar f’dawn l-aħħar snin, iż-żona tal-Ħandaq ħadet spinta ’l quddiem, tant li qed jinbnew negozji ġodda biex ilaħħqu mad-domanda. Minn żona kważi minsija u mitluqa, iż-Żona Industrijali tal-Ħandaq issa nbidlet f’ċentru industrijali u kummerċjali ta’ l-aqwa kwalità.”
DOI – 13.02.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959