Malta waslet biex tibda tipproduċi nbejjed ta’ kwalità taħt is-sistema DOK
Il-tħejjijiet tal-proċeduri li jippermettu l-produtturi lokali ta’ l-inbid jipproduċu nbejjed ta’ kwalità taħt is-sistema tad-Denominazzjoni ta’ Oriġini Kontrollata (DOK) issa waslu fl-aħħar fażi tagħhom.
Il-proċess kien jinvolvi ħidma twila bejn l-Assoċjazzjoni tal-Vitikultura Maltija, l-għaqdiet tal-bdiewa, uffiċjali tat-Taqsima tal-Vitikultura u l-Enologija u l-għassara. Dan ħabbru l-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino waqt attività ta’ din il-kumpanija lokali organizzata biex tniedi nbejjed prodotti minn għeneb lokali.
”Il-produzzjoni lokali laħqet l-ammonti u l-kwalità mistennija biex issir produzzjoni ta’ inbejjed ta’ kwalità,” qal il-Ministru Pullicino. ”L-iskema DOK se tiżgura livell ta’ kwalità skond livelli ta’ pajjiżi oħra ta’ l-Unjoni Ewropea u se tkun ikkontrollata permezz ta’ aċċertamenti uffiċjali fosthom reġistri u analiżi kimika u fiżika. Se jsiru wkoll analiżi ohrajn fuq inbid li diġà qiegħed fuq is-suq biex jiġi żgurat il-livell ta’ kwalità u li r-regoli kollha, inklużi ta’ l-ittikettar, ikunu qegħdin jiġu osservati.”
Bis-sistema tad-DOK għandhom igawdu il-bdiewa lokali, l-għassara u l-konsumaturi li jfittxu l-prodott ta’ kwalità lokali. Il-Gvern qed iħejji biex jappoġġja din l-inizjattiva favur prodott lokali ta’ kwalità permezz ta’ kampanja ta’ promozzjoni u għarfien dwar id-DOK Malta, kif ukoll skema oħra magħrufa bħala IGT (Indikazzjoni Ġeografika Tipika). Din se tkun iffinanzjata minn fondi li sa’ llum kienu jingħataw bħala sussidju fuq għeneb u ’must’ impurtat.
B’hekk, l-għassara mhux se jkollhom tnaqqis fil-fondi tagħhom u l-flus li kienu jieħdu se jibqgħu jieħduhom xorta f’forma ta’ għajnuna għall-promozzjoni ta’ l-għeneb lokali li minnu jsiru l-inbejjed ta’ kwalità.
Il-Ministru Pullicino rringrazzja lill-għassara li għażlu li jixtru l-għeneb lokali u minnu jipproduċi l-inbejjed ta’ kwalità. ”B’mod partikolari nirringrazzja lill-Marsovin li għażel li jibqa’ jonora l-kuntratti li għamel mal-bdiewa u b’hekk jiggarantixxi l-prezzijiet li kienu miftiehma mal-bdiewa fl-iffirmar tal-kuntratti.”
Dr Francis Agius, is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd, qal li l-Gvern ta attenzjoni speċjali lis-settur tal-vitikultura. Dan mhux biss għamilnieh permezz ta’ għajnuna teknika meta waqqafna l-laboratorju tal-vitikultura u l-enologija fl-Għammieri imma wkoll permezz ta’ għajnuna finanzjarja ħalli tkun ta’ sostenn għar-ristrutturar meħtieġ.
”Dan kollu kien skond dak li nnegozja l-Gvern Malti fit-trattat tas-sħubija ma’ l-Unjoni Ewropea,” qal Dr Agius. ”Meta nħares lura ngħid li l-isforzi tal-Gvern ħallew il-frott mixtieq. Minn madwar 600 ettaru ta’ art li fuqha jitkabbru d-dwieli fl-2003, illum għandna mad-910 ettaru ta’ art bid-dwieli. Xorta għad baqa’ lok għal titjib pero’ dan kollu huwa frott ta’ ħidma ffukata favur tkabbir ta’ għeneb lokali.”
Dr Agius komplja jispjega li l-għajnuna finanzjarja li ngħatat s’issa għat-tkabbir tad-dwieli kienet ta’ Lm826,150.40 li minna Lm113,667.20 ingħataw mill-Unjoni Europea. ”Kieku Malta ma għażlitx li tissieħeb fl-Unjoni Ewropea l-għajnuna finanzjarja kienet tkun inqas minn dik li ngħatat għad-detriment ta’ dawk kollha li jaħdmu jew għandhom konnessjoni ma’ dan is-settur. Il-ħidma tal-Gvern qed tagħti l-frott mixtieq għax filwaqt li fis-sena 2005 ingħasru ftit aktar minn 1,500 tunnellata ta' għeneb imkabbar lokalment, fl-2006 ingħasru ftit aktar minn 3,000 tunellata.”
DOI – 13.02.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959