Tnedija tar-Rapport Annwali tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’DiŻabilità’
Kull sena, il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità tagħti rendikont tal-ħidma f’żewġ okkazjonijiet:
- waħda tirrigwarda l-ħidma tagħha dwar il-Liġi Opportunitajiet Indaqs - din saret f’Diċembru li għadda ;
- it-tieni tirrigwarda l-ħidma l-oħra kollha tal-Kummissjoni u din qed issir permezz tal-prezentazzjoni tal-lum, 13 ta’ Frar, tar-Rapport Annwali.
Fl-indirizz tagħha, l-Onor. Dolores Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, faħħret ix-xogħol siewi li qed tagħmel din il-Kummissjoni u qalet li dan ir-rapport dettaljat juri fil-fatt l-impenn tal-Gvern f’dan il-qasam.
" Il-persuni b’diżabilità huma fuq nett ta’ l-aġenda tagħna. Dan narawh ukoll permezz ta’ l-iżviluppi li qed isiru f’dan il-qasam," kompliet il-Ministru. "Naraw kif dan il-Gvern dejjem saħaq fuq l-importanza li persuni b’diżabilità jingħataw rwol ċentrali fis-soċjetajiet tagħna, u dan permezz ta’ strutturi u miżuri li jinħolqu biex dan il-għan isir realtà għalihom u għall-familji tagħhom. Lejn dan qed nimmiraw, la darba ċ-ċentri għal matul il-jum għall-persuni b’diżabilità jimxu taħt l-Aġenzija Sapport."
Il-Ministru fakkret ukoll fis-sena għall-opportunitajiet indaqs għal kulħadd u qalet li f’dan ir-rigward żgur li l-qasam tad-diżabilità f’Malta kif ukoll il-Kummissjoni nfisha kienet u għadha minn ta’ l-ewwel li ħadmu biex jitqajjem aktar tagħrif f’dan il-qasam. "Flimkien ma’ rappreżentanti tan-National Implementing Body, kif ukoll mas-Sur Camilleri u ma’ Dr Janet Mifsud, Chairperson ta’ l-NCPE, ghadni kif ipparteċipajt fl-ewwel Summit dwar l-Ugwaljanza. Żgur li din hija t-triq li rridu naqbdu lkoll kemm aħna, kemm lokalment kif ukoll fuq livell Ewropej u internazzjonali. Jiena ċerta li l-Kummissjoni ser tkompli taqdi dmirha għall-persuni b’diżabilità f’Malta imma wkoll għas-socjetà Maltija kollha kemm hi," temmet il-Ministru Cristina.
Minn naħa tiegħu, is-Sur Joe Camilleri, Chairman tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, beda billi fakkar li din is-sena l-KNPD tiċċelebra l-għoxrin sena mit-twaqqif tagħha. Huwa kompla billi wera’ l-apprezzament tal-membri tal-Kummissjoni għax-xogħol siewi li jsir mill-ħaddiema tal-KNPD. Huwa wkoll emfasizza s-sodisfazzjon tiegħu għall-kunsens nazzjonali li jeżisti fejn jidħlu oqsma tad-diżabilità f’kull livell. "Ir-rapport annwali ta’ ħidma tal-Kummissjoni," qal is-Sur Camilleri, juri biċ-ċar il-progress li qed isir f’dan il-qasam. Dan jixħdu kemm iż-żieda fid-domanda għas-servizzi li tmexxi jew tamministra l-Kummissjoni, kif ukoll il-ħidma tagħha fil-qasam ta’ l-opportunitajiet indaqs għal kulħadd permezz tal-Liġi Opportunitajiet Indaqs (Persuni b’Diżabilità)."
Is-Sur Camilleri awgura li bis-‘support’ sħiħ tas-soċjetà kollha Maltija, il-Kummissjoni tkompli dejjem tiżviluppa s-servizz li qegħda toffri lill-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom.
Matul l-2006, il-Kummissjoni rnexxiela għal darb’oħra ġġib fondi mill-UE biex tiffinanzja kampanji ta’ għarfien (awareness-raising campaigns) kemm għas-sena 2006 kif ukoll għas-sena li qegħdin fiha, l-2007, li barra li hi s-Sena Ewropea għall-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd, taħbat ukoll l-20 anniversarju mit-twaqqif tal-Kummissjoni.
Permezz ta’ dawn il-fondi, il-Kummissjoni setgħet tkun aktar effettiva f’dan il-qasam ta’ għarfien u wkoll tamministra l-fondi tagħha b’mod li jrendu aktar. F’dan is-sens il-Kummissjoni organizzat diversi attivitajiet ta’ għarfien: konferenzi, riklami, u pubblikazzjonijiet, fost l-oħrajn. Pubblikazzjoni mportanti ħafna kienet il-ħames edizzjoni tal-ktieb “Servizzi u Benefiċċji għall-Persuni b’Diżabilità.”
Fl-2006 il-Kummissjoni rnexxiela tirreġistra żidiet sostanzjali fin-numru ta’ persuni li qdiet meta pprovditilhom is-servizzi li hi tmexxi fosthom:
- Il-Karta ta’ l-Identità Speċjali - żieda ta’ 5%;
- Is-Servizz Għajnuniet Speċjali - 31%;
- Korsijiet dwar l-Oqsma fid-Diżabilità - żieda ta’ 30%;
- Ivvettjar ta’ applikazzjonijiet tal-MEPA - żieda ta’ 40%;
- Iċ-Ċentru tar-Rizorsi - żieda ta’ 76%;
Matul din is-sena, il-Kummissjoni ħadmet ħafna biex is-Servizz tal-Blue Sticker ikun wieħed sostennibbli. Għalkemm in-numru ta’ applikazzjonijiet għal dan is-servizz baqa’ fl-istess livell tas-sena l-oħra, in-numru ta’ Blue Stickers li nħargu matul din is-sena naqas b’madwar 24%.
Fil-qasam internazzjonali, il-Kummissjoni kienet attiva fid-diskussjoni li saru dwar il-Konvenzjoni li l-Ġnus Maqgħuda qed tipproponi dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u b’sodisfazzjon tinnota li din issa ġiet adottata mill-Assemblea Ġenerali f’Diċembru li għadda.
Ir-rapport tal-KNPD jinkludi wkoll statistika dwar il-persuni b’diżabilità reġistrati mal-Kummissjoni, maqsuma skond l-età, is-sess, il-lokalità u n-nuqqas tagħhom (nuqqas fiżiku, intelletwali, psikoloġiku, ta’ dawl u ta’ smigħ).
Kopja ta’ dan ir-rapport bil-Malti, bl-Ingliż, b’tipa kbira u fuq ‘audio’ jistgħu jinkisbu mill-uffiċini tal-Kummissjoni, Ċentru Ħidma Soċjali, Santa Venera. Verżjoni bil-Malti u aktar tard bl-Ingliż, tinstab ukoll fuq il-website tal-Kummissjoni: www.knpd.org
DOI – 13.02.2007
Stqarrijiet Oħra:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959