Ebda ħtieġa li jinbidlu l-kolonni tal-Pont Manwel Dimech
B’riferenza għal dak li allega l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, Dr Alfred Sant nhar l-Erbgħa 7 ta’ Frar 2007, waqt programm fuq l-istazzjon One TV, il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq jiċħad kategorikament li hemm xi possibilità li l-kolonni ta’ taħt il-Pont ta’ Manwel Dimech fuq Triq Reġjonali jinbidlu.
Minn dak li qal waqt dan il-programm, jidher ċar illi l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għal darb’oħra għażel li jitkellem dwar proġett ta’ toroq li ma kienx infurmat dwaru. Ta’ min jgħid li minn meta nbeda x-xogħol fuq dan il-proġett madwar xaharejn ilu, ftit li xejn kien hemm kritika negattiva dwaru. Anzi, dejjem ħareġ ċar kemm dan il-proġett kien ippjanat b’mod serju sabiex ix-xogħol isir kif suppost, fl-iqsar żmien possibbli u bl-inqas inkonvenjent għal pubbliku.
Il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni messu kien infurmat li f’dawn l-aħħar sentejn, bi preparazzjoni għal dan il-proġett, saru diversi studji u investigazzjonijiet biex jiġi deċiż x’kien hemm bżonn isir sabiex jissewwew il-Vijadotti ta’ Manwel Dimech. Mill-investigazzjonijiet li saru minn esperti barranin, kien ħareġ li l-wiċċ tal-vijadotti (is-superstructure) kellu jinbidel filwaqt li l-kolonni (is-substructure) li jġorru l-wiċċ tal-vijadotti, setgħu jiġu rijabilitati.
Waqt l-investigazzjonijiet fuq il-kolonni nstab li l-livell massimu ta’ karbonizzazzjoni (degrad) fil-konkrit kien laħaq fond ta’ mhux iktar minn 49 millimetru. Huwa għalhekk illi, bħala parti mix-xogħlijiet ppjanati fuq il-proġett, ser jitneħħew bejn 75-100 mm ta’ konkrit mill-wiċċ tal-kolonni permezz ta’ hydro demolition. Wara dan il-proċess, dawn l-istrutturi ser jiġu rinforzati permezz ta’ xbieki u saff ġdid ta’ shotcrete ta’ ħxuna ta’ madwar 200mm.
Il-Ministeru għall-Iżvilupp Urban u Toroq ma jistax jifhem kif il-Kap ta’ l-Oppożizzjoni ħareġ b’allegazzjoni tant infondata meta din l-informazzjoni ilha pubblika minn meta ħarġet is-sejħa għall-offerti għal dan il-proġett finanzjat mill-Fond għall-Iżvilupp Reġjonali Ewropew. Fid-dawl ta’ dan kollu jidher ċar li l-Kap ta’ l-Oppożizzjoni għamel dan sempliċement biex jitfa dan il-proġett f’dell ikraħ u sabiex joħloq tħassib mhux f’loku f’dawk kollha li jużaw dawn il-vijadotti ta’ kuljum.
DOI - 10.02.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959