Left arrow Mur Lura

INAWGURAT IL-ĠNIEN TAL-PALAZZ TA’ SPINOLA WARA PROĠETT TA’ MMODERNIZZAR U TITJIB

PR0179
Date Icon 10/02/2007

Il-ġnien tal-Palazz ta’ Spinola f’San Ġiljan kien inawgurat illum wara proġett ta’ mmodernizzar u titjib li sewa mat-Lm300,000.  Dan kien jinkludi xogħol fil-ġnien u xogħol ieħor ta’ tisbiħ madwar il-ġnien minn ħaddiema tal-Gvern u dan jinkludi bankini b’pavimentar ġdid u tneħħija ta’ strutturi.   

Il-ġnien kien inawgurat mill-President ta’ Malta Edward Fenech Adami fil-preżenza tal-Ministru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent George Pullicino, s-Sindku ta’ San Ġiljan Peter Bonello u George Fenech, Chairman ta’ Tumas Group.  Il-ġnien tbierek mill-Kappillan ta’ San Ġiljan Fr Ray Toledo. 

F’diskors tal-okkażjoni waqt l-inawgurazzjoni tal-ġnien, il-Ministru George Pullicino esprima s-sodisfazzjon tiegħu għat-tlestija tal-proġett ta’ tisbiħ tal-ġnien.  Hu fakkar fl-istat li kien jinsab fih il-ġnien sa ftit tax-xhur ilu u huwa b’hekk biss li wieħed jasal biex japprezza aktar l-investiment li sar fl-immodernizzar tal-ġnien. 

Il-Ministru Pullicino radd ħajr lil Tumas Group li nvestew fit-titjib tal-ġnien bħala ġest favur il-komunita’ Ġiljaniża marbuta mall-ħruġ tal-permess għall-iżvilupp tal-proġett ta’ Portomaso.  Hu fakkar li l-iżviluppaturi għandhom responsabbilta’ lejn il-komunita’ fejn iwettqu l-proġetti tagħhom. Dan japplika l-aktar għal proġetti kbar bħal ma huwa Portomaso.  Hu tenna li huwa tajjeb li l-livell ta’ kwalita li ntlaħaq fil-proġett ta’ Portomaso jkun rifless ukoll fl-inħawi tal-madwar.   

Il-Ministru Pullicino fakkar kif it-titjib tal-ġnien kien parti minn inizjattiva li kienet tinvolvi wkoll it-titjib tas-sistema ta’ l-immaniġġjar tat-traffiku fit-toroq ta’ madwar il-ġnien.  Hu qal li x-xogħol wasal fi stadju avvanzat tant li ċerti miżuri diġa daħlu fis-seħħ bħalma hu t-tneħħija tat-traffic lights fil-junction ta’ bejn Triq San Ġorġ u Triq Ross.    

Hu qal li mal-ħruġ tal-permess ta’ l-iżvilupp ta’ Portomaso, l-kumpanija Tumas Group kienet intrabtet ukoll li tiftaħ it-triq interna għall-aċċess tat-traffiku pubbliku.  Din is-sistema għandha tgħin sabiex tkun evitata l-konġestjoni tat-traffiku.  Pullicino qal li din ukoll tinsab fi stadju avvanzat tant li fil-jiem li ġejjin mistennija jsiru x-xogħlijiet ta’ l-aħħar.  Din it-triq se tinfetaħ fl-aħħar ġimgħa ta’ Frar u fil-jiem li ġejjin mistenni jsir it-twaħħil tas-sinjali tat-traffiku u r-road markings.   

Il-Ministru Pullicino rringrazzja lil kull min ta s-sehem tiegħu fit-twettiq ta’ dan il-proġett.  Hu awgura li l-ġnien ikun jista’ jitgawda minn kulħadd, residenti u mhumiex, li jżuru San Ġiljan.  Pullicino appella biex il-ġnien ikun imħares minn kull forma ta’ vandaliżmu u appella għall-koperazzjoni ta’ kulħadd biex is-sit jibqa’ f’istat tajjeb.  

Intant, fl-immodernizzar tal-ġnien intuża kunċett barokk li jikkumplimenta l-Palazz ta’ Spinola li jinsab biswit il-ġnien.  Fil-ġnien tħawwlu wkoll dwieli minħabba l-istorja tal-Palazz ta’ Spinola li kien rinomat għall-kantini tal-inbid tiegħu.    

DOI - 10.02.2007

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PROJECTS  More than 20 digital gaming and esports companies showcase Malta’s Industry Growth at PLAYCON 2026

PR261958EN

PRESS RELEASE BY THE MINISTRY FOR THE ECONOMY, TECHNOLOGY AND STRATEGIC PRO...

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠIĊI  L-istrateġija tal-2019 qed tħalli l-frott: aktar minn 20 kumpanija tal-logħob diġitali u l-esports irrappreżentati waqt il-ftuħ ta’ PLAYCON 2026

PR261958

STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-EKONOMIJA, IT-TEKNOLOĠIJA U PROĠETTI STRATEĠ...

Aktar Stqarrijiet Right arrow