Il-Ministru DOLORES Cristina tiftaħ ġnien fil-mellieħa
Nhar is-Sibt 10 ta’ Frar il-Ministru Dolores Cristina inawgurat ġnien ieħor fil-Mellieħa li sar permezz ta’ kollaborazzjoni bejn il-Gvern Ċentrali u l-Kunsill Lokali tal-post.
Fid-diskors tagħha l-Onor. Cristina, Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali, tkellmet dwar l-investiment li għamel u qed ikompli jagħmel il-Gvern biex isebbaħ il-komunitajiet madwar Malta u Għawdex. Il-ġnien fil-Mellieħa ġie jiswa’ madwar Lm 60,000. Il-Gvern qed jinvesti eluf ta’ liri fil-ġonna madwar Malta u Għawdex u kollha jagħmlu parti minn viżjoni wiesgħa li jinħolqu spazji rikreattivi fil-beraħ, miżmuma kif jixraq, fejn ġenerazzjonijiet differenti, anzjani, adulti, tfal u żgħażagħ, ikunu jistgħu jiltaqgħu u jimirħu flimkien.
Il-ġnien qed jingħata l-isem “Ġnien il-Kenn Soċjali” li huwa wieħed qrib ħafna x-xogħol tal-Ministeru ta’ l-Onor. Cristina. “L-isem fih innifsu jħaddan kunċett importanti ħafna għas-soċjetà tagħna. Dan għaliex aħna naħdmu lkoll flimkien biex nibnu u nsaħħu l-pedamenti tas-soċjetà, biex b’hekk kull waħda u wieħed minna jkun jista’ jgħix f’ambjent san fejn kull individwu jista’ jizviluppa bl-aħjar mod possibbli. Huwa biss flimkien li nistgħu nagħmlu passi ’l quddiem, il-Gvern, il-Kunsill Lokali, l-għaqdiet, u fuq kollox, ir-residenti tal-lokalità,” qalet il-Ministru Cristina.
Il-Ministru Cristina fakkret ukoll li dawn il-ġonna li qed naraw isebħu l-inħawi ta’ Malta u Għawdex huma kollha frott l-impenn ta’ dan il-Gvern biex il-housing estates ta’ madwar il-gżejjer tagħna jsiru kollha parti minn proġett wiesgħa ta’ landscaping li b’hekk, permezz ta’ xogħlijiet ta’ natura differenti, nkunu nistgħu b’mod ħolistiku ntejbu l-kundizzjonijiet għall-familji li jgħixu fil-madwar.
Fil-fatt, żiedet il-Ministru Cristina, għadna kemm rajna l-bidu ta’ proġett fl-Iklin li jaqa’ proprju taħt din il-kappa. B’investiment dirett tal-Gvern Ċentrali ta’ madwar Lm 107,000, bi sħab mal-Kunsill Lokali tal-lokalità dan il-proġett ser jagħti bankini ġodda lil 12-il triq fl-Iklin. Il-Ministru semmiet kif, mill-1998 sa’ l-2010, permezz tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar, il-Gvern ser ikun nefaq madwar Lm 10.5 miljuni sabiex jintlaħqu dawn il-miri għall-housing estates u b’hekk, b’mod konkret, inkomplu ntejbu l-ħajja għall-familji Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Cristina temmet billi rringrazzjat lill-Kunsill tal-Mellieħa u awgurat li l-kollaborazzjoni bejn il-Gvern u l-amministrazzjonijiet lokali tkompli fi triqitha lejn servizz dejjem aħjar b’riżq in-nies tal-lokalità.
Sar ukoll diskors ta’ l-okkażjoni mis-Sindku tal-Mellieħa, John Francis Buttigieg.
DOI 10.02.2007
Other Press Releases:
PR261959en
PRESS RELEASE BY THE OFFICE OF THE SPEAKER The Speaker of the House of Rep...
PR261959